Repubblika tfakkar lill-PM fil-liġi mwiegħda biex ħadd ma jkun f’periklu f’daru

Miguela Xuereb

Read in English.

Repubblika kitbet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex tfakkru li tmien xhur wara li Miriam Pace tilfet ħajjitha taħt it-tiġrif tal-bini li kkollassa minħabba l-kostruzzjoni, għadha ma ġietx introdotta l-liġi mwiegħda sabiex kulħadd ikun sigur f’daru.

F’ittra ffirmata mill-President ta’ Repubblika Dr Robert Aquilina, l-NGO tfakkar lill-Prim Ministru li għalkemm fit-2 ta’ Settembru huwa wiegħed liġi ġdida li tiggarantixxi din is-sigurtà, issa għadda Settembru, għadda Ottubru u beda Novembru, u din il-liġi għadha ma ssemmietx fil-Parlament.

Dr Aquilina semma kif fil-frattemp, il-Gvern ressaq 14-il abbozz ta’ liġi, “imma l-liġi biex aħna lkoll ma nkunux fil-periklu f’darna mhijiex waħda minnhom.”

Repubblika qalet li kull persuna f’Malta tista’ tgħaddi minn dak li għaddew minnu Miriam u familtha jew il-familji l-oħra li ġġarrfitilhom darhom minħabba l-kostruzzjoni. “Għalfejn il-Gvern qed isibha daqshekk diffiċli jikkontrolla r-rgħiba ta’ xi wħud?” staqsiet Repubblika.

Illum, l-armel ta’ Miriam Pace kiteb messaġġ fuq Facebook li fih qal li għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja, u li tinstema’ t-talba tagħhom li tinfetaħ inkjesta pubblika fuq il-każ.