Repubblika taqbel mal-IĠM li l-Gvern għandu jipproteġi lill-ġurnalisti bil-liġi kontra SLAPP

Repubblika appoġġjat it-talba tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sabiex il-Gvern ma jibqax ikaxkar saqajh u jdaħħal malajr leġiżlazzjoni kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP).

Dan wara li l-midja lokali bdiet tirċievi ittri legali ta’ theddid biex jikkumpensaw lil Turab Musayev, li hu involut fil-kuntratt tal-wind farm ta’ Montenegro. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna dan it-theddid li huwa azzjoni legali magħruf bħala SLAPP, u saħaq li hemm bżonn laqgħa mal-Gvern.

Musayev hu l-kap ta’ Socar LNGTrading. Huwa nkixef bħala sid il-kumpanija Cifidex, li kienet involuta fil-kuntratt kontroversjali dwar il-wind farm ta’ Montenegro li fih hi involuta l-Enemalta. Ismu ssemma f’xhieda fil-qorti fl-inkjesta pubblika li qed issir b’konnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan ir-rappurtaġġ hu protett minn azzjonijiet legali.

Ġie spjegat fi stqarrija li minbarra li tippoteġi lill-ġurnalisti, din il-liġi tħares ukoll lis-soċjetà mill-abbuż ta’ min hu b’saħħtu finanzjarjament u jrid joħnoq id-dritt għall-informazzjoni. “Erba’ xhur wara li l-Oppożizzjoni ressqet abbozz ta’ liġi kontra dan l-abbuż, il-Gvern għadu ma ċċaqlaqx.”

Repubblika stqarret li l-poplu Malti huwa diġà vittma ta’ dan l-abbuż peress li Henley & Partners, il-kumpanija mqabbda mill-Gvern Malti biex tbigħ il-passaporti, “ħadet dak li riedet u għalqet ħalq il-ġurnalisti Maltin wara li heddithom bi SLAPP fl-2017.”

L-istqarrija tkompli tgħid li ma nistgħux ninsew li Henley & Partners u sid il-Bank Pilatus għamlu lil Daphne Caruana Galizia, li sid is-Satabank għamel lil Manuel Delia u lit-Times of Malta, u issa dak li Turab Musayev għamel lil The Shift u lil oħrajn li rrappurtaw dwaru.