Aġġornata: Il-President jgħid li waħda mill-ittri ta’ Repubblika ma waslitx għandu

Luke Zerafa

Read in English.

Il-President George Vella qal li waħda mill-ittri li bagħtet l-għaqda Repubblika ma waslitx għandu. Dan wara li akkuża lill-għaqda li għawġet il-fatti.

Aktar kmieni l-għaqda non-governattiva Repubblika baqgħet issostni li l-President George Vella ma weġibhiex dwar ir-riforma kostituzzjonali minn wara li l-ħatra tiegħu. Mill-banda l-oħra, l-Uffiċċju tal-President akkuża lill-għaqda li qed tgħawweġ il-fatti u qal li Vella jinsab lest jiltaqa’ ma’ kull rappreżentant tas-soċjetà ċivili.

L-ewwel istqarrija mill-Uffiċċju tal-President ħarġet b’reazzjoni għal dak li qalet ilbieraħ Repubblika, li ma rċevietx rikonoxximent mingħand Vella minn mindu ħa l-Ġurament tal-Ħatra.

Skont l-Uffiċċju tal-President, f’rapporti fil-midja lbieraħ ntqal li meta Repubblika għamlet is-sottomissjonijiet tagħha dwar ir-riforma kostituzzjonali, ma reċeviet l-ebda rikonoxximent mill-President. L-Uffiċċju qal li dan mhux vera.

“Is-soċjetà ċivili għadha mhix inkluża fir-riforma kostituzzjonali” – Repubblika

Skont l-Uffiċċju tal-President, Vella rċieva pakkett dokumenti minn Repubblika fil-15 ta’ Marzu. Fi stqarrija maħruġa llum l-Uffiċċju qal li dakinhar bagħat email lil Repubblika jirrikonoxxi li rċieva d-dokumenti. Żied jgħid li peress li ma kienx għadu ħa l-ħatra, ma kienx f’pożizzjoni li jiddiskuti l-kwistjoni. Kompla jgħid li wara li jieħu l-ħatra jkun lest li jiltaqa’ mal-għaqda. L-Uffiċċju qal li fit-18 ta’ Marzu, il-President tal-għaqda Repubblika Marion Pace Asciak irringrazzjatu għar-risposta tiegħu u qalet li qed jistennew bil-ħerqa diskussjoni ma’ Vella wara li jieħu l-ġurament tal-ħatra. Fl-istqarrija l-Uffiċċju mbagħad għadda kumment dwar il-kredibilità tal-għaqda.

Illum Repubblika qalet li l-istqarrija tal-President hija tal-mistħija. Fi stqarrija, Repubblika qalet li huwa veru li fil-15 ta’ Marzu bagħtet ittra lil Vella u li qalilhom li kien se jiltaqa’ magħhom wara li jsir President.

Vella ħa l-ġurament tal-ħatra fl-4 ta’ April.

Repubblika qalet li stenniet għal xi forma ta’ komunikazzjoni mill-kumitat li qed imexxi r-riforma, però spjegat li ma semgħet xejn mingħandu. Qalet li mbagħad marret għand l-uffiċċju tal-President fl-10 ta’ Ġunju b’ittra biex ifakkru lill-President dwar il-laqgħa. L-għaqda qalet li hemm firma fil-log book tal-uffiċċju bi provi ta’ dan.

Repubblika qalet li fl-ittra tal-10 ta’ Ġunju staqsiet lill-President jekk il-laqgħa bejniethom setgħetx issir fil-jiem li kienu ġejjin.

L-għaqda qalet li se tkun qed tassumi li l-President ma kienx infurmat b’dan mill-uffiċċju tiegħu u li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jigdeb. Repubblika qalet ukoll li l-istqarrija tal-President ma kinetx waħda ta’ denju peress li tgħawweġ il-fatti filwaqt li takkuża lil Repubblika li hi qed tgħawweġ il-fatti.

Repubblika qalet ukoll li l-President ma qal xejn dwar x’beħsiebu jagħmel bl-opinjonijiet tal-għaqda.

L-attivisti qalu li jinsabu mbeżża’ li issa hemm istituzzjoni oħra f’Malta li inħatfet mill-interessi partiġġjani u personali tal-membri tal-gvern.

L-Uffiċċju tal-President joħroġ it-tieni stqarrija dwar il-każ

Wara li bagħat l-ewwel stqarrija tal-lum, l-Uffiċċju tal-President bagħat stqarrija oħra. Fit-tieni stqarrija l-President qal li l-ittra li Repubblika bgħatitlu fl-10 ta’ Ġunju qatt ma waslet għandu. Il-President qal li se jkun qed jiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ Repubblika.

Ftit minuti wara, Repubblika qalet li tinnota li l-President irrikonoxxa l-ittra tal-10 ta’ Ġunju.

“Għalhekk aħna nifhmu li l-attakk tal-lum kien minħabba xi konfużjoni fl-uffiċċju tiegħu,” qalet Repubblika. L-għaqda qalet li tinsab lesta tiltaqa’ mal-President malli jkunn ħin għaliha.

Il-pubbliku inġenerali, l-għaqdiet kostitwiti, l-għaqdiet mhux governattivi u individwi oħra interessati jistgħu jipparteċipaw fil-proċess tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali.

Tibda l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma kostituzzjonali