Repubblika: Titlob għal inkjesta dwar il-bejgħ tal-isptarijiet

Tisħaq li l-investigazzjonijiet tal-ġurnalsiti għandhom jitqiesu bħala bażi valida biex il-qrati jsejħu għal inkjesta.

Read in English.

L-għaqda Repubblika reġgħet talbet għal inkejsta oħra dwar il-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi lill-kumpanija VGH. Dan wara li l-Imħallef Giovanni Grixti ċaħad l-ewwel talba li għamlet l-għaqda.

Fi stqarrija Repubblika qalet li tinsab imħassba dwar id-deċiżjoni ta’ Grixti fil-Qorti tal-Appell li ħassar l-ordni tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex tibda inkjesta dwar allegazzjonijiet ta’ kriminalità mwettqa mill-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona, u Konrad Mizzi.

L-Imħallef qal li investigazzjonijiet minn ġurnalisti mhumiex bażi adegwata biex tibda inkjesta. “Bir-rispettu kollu, aħna ma naqblux,” qalet Repubblika. Żiedet tgħid li l-ġurnalisti investigattivi jippubblikaw dawk l-affarijiet li l-istituzzjonijiet ma jagħmlux. B’hekk iħeġġu l-istituzzjonijiet biex jieħdu azzjoni wara li jkunu fallew.

“Il-qrati mbagħad huma mistennija li jipprovdu l-kontrolli u l-bilanċi għal eżekuttiv korrott, minflok jissanzjona l-korruzjoni tiegħu. Id-deċiżjoni tal-bieraħ hija eżempju għall-istituzzjonijiet kollha biex jinjoraw dak li jiġi ppubblikat fil-midja u jassumu li dawk ir-reati li jinkixfu mill-investigazzjonijiet ġurnalistiċi mhumiex veri,” qalet Repubblika.

Bejgħ sptarijiet: Mhux se tinfetaħ inkjesta

L-għaqda qalet li reġgħet talbet lill-avukat tagħha Dr Jason Azzopardi biex jerġa’ jitlob għal inkjesta oħra. Azzopardi huwa wkoll MP tal-Partit Nazzjonalista. Intqal li aġġornaw it-talba tagħha b’aktar informazzjoni li ħarġet wara li għamlu l-ewwel talba tagħhom.

Grixti qal li Repubblika pprovdiet wisq informazzjoni meta talbet biex tinfetaħ l-ewwel inkjesta, stqarrija li Repubblika ma tistax tifhem. L-għaqda lanqas qablet li l-ftuħ ta’ inkjesta jmur kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza.

L-NGO qalet li tispera li l-ġudikatura ma taqbilx mar-raġunar ta’ Grixti. Qalet ukoll li kien hemm diversi ġurnalisti li qajmu tħassib dwar dak li ġara.