Repubblika b’ittra lill-PM biex il-Ministri jroddu l-flus li nefqu f’reklamar

FILE PHOTO: The Facebook logo is displayed on a mobile phone in this picture illustration taken December 2, 2019. REUTERS/Johanna Geron/Illustration/File Photo

Read in English.

L-għaqda Repubblika kitbet lill-PM Robert Abela biex il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jroddu l-flus li nefqu f’reklamar fil-midja soċjali lura lill-pubbliku.

Fi stqarrija Repubblika qalet li kitbet lill-PM illum u ppubblikat l-ittra tagħha.

“Il-fatt li tlieta mill-ħames ministri ma weġbux lill-Kummissarju li huwa inkarigat mill-Parlament biex jiżgura imġieba etika huwa inkwetanti ħafna,” qalet Repubblika. Żiedet tgħid li huwa inkwetanti li l-Kummissarju kkonkluda li jista’ jkun hemm aktar ministri li abbużaw mill-fondi tal-pubbliku.

L-għaqda talbet lil Abela biex jinkariga lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-użu tal-fondi pubbliċi għall-midja soċjali tal-ministri u tas-segretarji parlamentari.

Tista’ taqra l-ittra minn hawn:

Din il-ġimgħa l-Kummissarju għall-Istandards qal li l-ministri mhux se jibqgħu jużaw riżorsi pubbliċi biex jipproduċu materjal għall-paġni personali tagħhom fil-midja soċjali.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li diversi ministri qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali tagħhom fuq Facebook u midja soċjali oħra. Il-Kummissarju kkonkluda li dan huwa abbuż għax il-ministri konċernati qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom.