Renzo Piano fadallu jieħu €300,000 għall-proġett ta’ Bieb il-Belt

Il-kumpanija tal-perit ta’ fama internazzjonali Renzo Piano tat lill-Gvern Malti ċans ta’ jumejn biex iħallasha €300,000 li fadlilha tieħu għall-bini tal-Parlament il-ġdid u l-proġett ta’ Bieb il-Belt.
Fi protest ġudizzjarju, Renzo Piano Builing Workshop (RPBW) jisħaq li l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed tmur lura mill-ftehim iffirmat f’Marzu tal-2015 u qed tirrifjuta li tħallas l-ammont dovut.
Jidher li l-kumpanija ta’ Piano ilha diversi xhur tinsisti li titħallas iżda s’issa baqgħet ma rċeviet xejn.
Skont il-kuntratt, is-somma ta' €300,000 kellha tingħata lill-kumpanija ta’ Renzo Piano meta l-proġett ikun konkluż.
Il-Korporazzjoni kellha r-responsabbilità biex tassigura li l-kumpanija li kienet qed timmaniġġja l-proġett tiċċertifikah konkluż biex ikun jista' jsir il-pagament.
Iżda, minkejja li l-Parlament ġie inawgurat f’Mejju tal-2015, iċ-ċertifikat baqa’ ma ħariġx.
Jekk il-kumpanija ta’ Piano ma tirċevix is-somma dovuta se tkun qed tieħu azzjoni legali.