Renzi jippreżenta l-prijoritajiet tal-Italja għall-presidenza tal-UE

Il-Prim Ministru Taljan illum ippreżenta l-prijoritajiet tal-Italja għall-presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Renzi qal li llum qed ngħixu f'Ewropa fejn id-dinja timxi b'pass mgħaġġel id-doppju ta' dak li miexi bih l-Unjoni Ewropea. Għamel enfażi fuq l-iżvilipp ekonomiku u  li l-UE ma tistax tibqa' sempliċiment punt fil-Google Maps.
Qal ukoll li ma nistgħux inkunu kburin li niffurmaw parti mill-UE jekk ma nħossunix skomdi meta nisimgħu b'aħbarijiet ta' persekuzzjoni reliġjuża. Semma bħala eżempji l-każi ta' Meriam Ibrahim, Sudaniża ta' 27 sena li f'Mejju kellha twelled fil-ħabs wara li din ġiet ikkundannata l-piena kapitali għax iżżewġet Kattoliku, kif ukoll il-każ tal-mitejn tfajla li nħatfu fin-Niġerja mill-grupp Boko Haram.
Prijoritajiet oħra tal-Italja f'din il-presidenza huma l-qagħad, l-immigrazzjoni, il-klima u l-eneġija, is-single market diġitali, id-difiża kif ukoll is-servizzi finanzjarji.
Il-presidenza, li tibda llum, iddum sitt xhur.