Renju Unit: Min jivvjaġġa minn Malta eżentat milli jagħmel kwarantina

REUTERS/Borja Suarez

Read in English.

Nhar il-Ħamis, Grant Shapps, il-Ministru għat-Trasport tar-Renju Unit qal li passiġġiera li jaslu fil-Gran Brittanja mill-Belġju, il-Bahamas u Andorra se jkollhom jagħmlu perjodu ta’ 14-il ġurnata kwarantina minħabba tħassib dwar iż-żieda fir-rata ta’ infezzjonijiet ta’ COVID-19. Rapporti fil-ġurnal The Telegraph kien qed jindika li Malta setgħet tkun fuq l-istess lista. Madanakollu Malta baqgħet fuq il-lista fejn jista’ isir vjaġġar mingħajr ħtieġa ta’ kwarantina.

Din l-aħbar waslet fi żmien meta diversi ministri qed jippruvaw jipprevjenu wasliet minn żoni fejn hemm żieda qawwija fl-infezzjonijiet tal-virus, li jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-għadd ta’ każijiet ġodda li qed ikomplu jiżdiedu fl-Ingilterra.

“Id-data turi li jinħtieġ li nneħħu lil Andorra, il-Belġju u l-Bahamas mil-lista tagħna ta’ Kurituri għall-Ivjaġġar fi żmien il-coronavirus sabiex inkunu nistgħu nżommu r-rata ta’ infezzjoni tagħna BAXXA,” Shapps kiteb fuq Twitter.

“Jekk tasal fir-Renju Unit wara l-4:00 ta’ filgħodu nhar is-Sibt (0300 GMT) minn waħda minn dawn id-destinazzjonijiet, jinħtieġ li żżomm ruħek iżolat għal 14-il jum.”

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard immarka lill-Belġju bħala pajjiż “kodiċi oranġjo” għall-coronavirus, li jfisser li n-numru ta’ każijiet għal kull 100,000 abitant kien ta’ 20 jew aktar għal dawn l-aħħar ġimgħatejn.

Minkejja li eluf ta’ persuni Brittanniċi vjaġġaw barra l-pajjiż wara xhur ta’ lockdown, il-gvern diġà reġa’ impona mill-ġdid il-kwarantina fuq persuni li jaslu minn Spanja u l-Lussemburgu.

L-inklużjoni tal-Belġju fuq il-lista tal-Ingilterra hija deċiżjoni li ttieħdet ukoll mill-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja u n-Norveġja. Ix-xahar li għadda l-Belġju introduċa restrizzjonijiet ġodda fuq il-kuntatt soċjali fi sforz biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus.

Minn naħa l-oħra, id-dipartiment għat-trasport tal-Ingilterra ħabbar ukoll li l-Malasja u l-Brunej ġew miżjuda mal-lista sikura tar-Renju Unit.