Renju Unit: Liem huma l-iktar postijiet perikolużi?

Il-kriminalità fir-Renju Unit żdiedet b’mod drastiku, tant li l-pajjiż ra żieda kbira f’reati marbuta mad-droga u l-vjolenza f’diversi postijiet li sa ftit ilu kienu meqjusa bħala l-iktar kwieti u li llum saru perikolużi ferm.

Skont rapport fil-midja internazzjonali West Yorkshire baqa’ l-iktar post ta’ sfida għall-Pulizija hekk kif f’dawk l-akwati hemm l-iktar ammont ta’ residenti li qed jgħixu f’periklu li jisfaw vittmi ta’ reati marbuta mal-vjolenza, serq, abbuż sesswali, ħsara fil-propjetà u serq mill-propjetà.

L-istess rapport jindika li fir-Renju Unit, Londra tinsab fl-10 post bħala l-iktar post perikoluż. Jidher li dan hu riżultat tat-tifrix u żieda tal-gruppi kriminali li qed joperaw u jinfirxu f’żoni residenzjali  fejn qabel il-kriminalità kienet baxxa. Dan wassal biex f’dawn l-akwati żdiedet il-vjolenza relata mal-kriminalità f’diversi akwati oħra tal-madwar.

L-istudju analizza r-rata tal-kriminalità u vjolenza kumparata mal-ammont ta’ nies li joqgħodu f’kull post biex ħarġet lista tal-iktar postijiet perikolużi.

Skont din il-lista aġġornata Kent issa sar wieħed mill-iktar postijiet perikolużi fejn isiru reati vjoleni hekk kif is-sena l-oħra l-ammont ta’ reati taż-żgħażagħ kważi rdoppja u r-reati b’armi ppuntati żdied b’iktar minn 40%. Skont ir-rapport dan ir-reġjun ra żieda fit-traffikar tad-droga kif ukoll fl-ammont ta’ gruppi kriminali fl-aħħar snin, tant li tfal ta’ 10 snin huma magħrufa li jkunu attivi fl-attività ta’ dawn il-gruppi.

Omm ta’ żagħżugħ ta’ 17-il sena li kien vittma ta’ attakk b’arma ppuntata f’Gillingham, f’Kent, qalet kif il-ġlied bejn il-gruppi kriminali qed jeqred il-ħajjiet ta’ ħafna li joqgħodu f’dawn il-postijiet.

West Yorkshire jinsab fl-ewwel post b’żieda ta’ 9% fir-reati fl-2018. Flimkien ma’ Great Manchester, Cleveland, South Yorkshire u Northumbria, dawn kienu l-iktar ħames postijiet perikolużi biex wieħed imur joqgħod fir-Renju Unit.