Renju Unit: l-uniformijiet – identità jew ħela ta’ flus?

Ġimgħa qabel mal-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-istudenti fil-bidu ta’ sena akkademika ġdida, il-kwistjoni tal-uniformijiet hi waħda mill-kwistjonijiet li jkunu diskussjoni f’diversi pajjiżi, b’xi pajjiżi anke ddeċidew li jneħħu l-uniformijiet għall-istudenti fl-iskejjel.

L-iskejjel fl-Ingilterra ntalbu sabiex jieħdu azzjoni u ma jnefqux ħafna flus lill-ġenituri fuq l-uniformijiet. Hu mifhum li l-Ministru tal-Edukazzjoni Ingliż David Laws mistenni joħroġ linji-gwida ġodda dwar l-uniformijiet, bis-suq ma jibqax monopolju, iżda l-ġenituri jkollhom iċ-ċans li jduru diversi ħwienet u jqabblu l-prezzijiet.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Ingliż saħaq li jrid iwaqqaf il-qliegħ li jeżisti bejn xi skejjel u ħwienet. L-akbar unjin tal-għalliema fl-Ingilterra sostniet li l-iskejjel jistgħu jinjoraw dawk li sejħet bħala ‘ordnijiet dgħajfa’, hekk kif saħqet li hemm bżonn leġislazzjoni.

Intqal li l-prezzijiet tal-uniformijiet fl-Ingilterra huma għolja għalxejn u dan meta l-baġit tal-familji jrid iservi għal kollox.