Fir-Renju Unit: Kieku l-lockdown sar ġimgħa qabel l-imwiet kienu jkunu n-nofs

Reuters

L-imwiet kollha fir-Renju Unit kawża tal-pandemija COVID-19 kienu jkunu n-nofs ta’ dawk li kienu kieku l-lockdown iddaħħal ġimgħa qabel, skond dak li qal eks-membru tal-grupp xjentifiku li jikkonsulta lill-Gvern Ingliż nhar l-Erbgħa li għaddew.

Iċ-ċifra uffiċjali fir-Renju Unit ta’ mwiet konfermati mill-COVID-19 hija ta’ ‘l fuq minn 40,000, liema ċifra titla’ għal iżjed minn 50,000 każ jekk wieħed jinkludi l-imwiet minn każi suspetti. Il-Prim Ministru Boris Johnson impona l-lockdown nhar it-23 ta’ Marzu.

L-epidemjoloġista Neil Ferguson tenna li r-Renju Unit kien applika l-miżuri t-tajba iżda tard wisq.

“L-epidemija kienet qed tirdoppja kull tlett jew erbat ijiem qabel ma bdew jiddaħħlu l-interventi tal-lockdown. Dan ifisser illi kieku daħħalna l-miżuri ta’ lockdown ġimgħa qabel, iċ-ċifra finali ta’ mwiet kienet tkun imnaqqsa ta’ l-inqas bin-nofs,” qal Ferguson.

“Jiġifieri filwaqt li naħseb li l-miżuri kien hemm bżonnhom… ċert illi kieku daħħalniehom minn qabel, kien ikollna inqas imwiet.”

Ferguson, professur fl-Imperial College ta’ Londra, fassal mudell li fuqu kien ibbażat ir-rispons tar-Renju Unit għall-pandemija, iżda iżjed tard, irriżenja mis-Scientific Advisory Group for Emergencies (SAGE) wara li kien akkużat li kiser ir-regolamenti tal-lockdown.

Il-kummenti tiegħu jirriflettu dawk ta’ konsulent xjentifiku ieħor, John Edmunds, li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet qal li r-Renju Unit kien imissu daħħal il-lockdown iżjed kmieni.

Johnson qal li kien għadu kmieni wisq biex jgħid x’seta’ għamel aħjar jew x’tgħallem mill-mod kif kienet trattata l-pandemija.

“Dak iż-żmien, ħadna d-deċiżjonijiet ibbażati fuq il-pariri li kienu qed jagħtuna SAGE, fosthom tal-Professur Ferguson, deċiżjonijiet li ħassejna kienu l-aħjar għall-pajjiż,” qal lill-ġurnalisti.

Il-Kap Uffiċjal Mediku Chris Whitty qal li l-iżjed aspett li jippreferi jħares lejh huwa dak ta’ kif nistgħu ngħaġġlu t-testing minn iżjed kmieni.

“Ħafna mill-problemi li kellna kienu kawżati mill-fatt li ma konniex nafu eżattament f’liema stadju konna,” kompla jgħid.