Filmat: Remake ta’ Holly e Benji fuq Italia Uno

Wieħed mill-cartoons l-aktar popolari tas-Snin 80 fuq it-TV Taljan se jkun qed jerġa’ lura fi ftit tal-ġranet oħra hekk kif l-istazzjon Italia Uno ħabbar li kiseb id-drittijiet li juri Captain Tsubasa, ir-remake tal-popolari Holly e Benji.

Capitan Tsubasa kien l-isem oriġinali tas-sensiela li kienet iddebuttat fil-Ġappun fl-1983. Baqgħet popolari f’diversi pajjiżi u s-sena l-oħra nħadem ukoll remake.

L-ewwel serje fiha 52 puntata u Italia 1 se jkun qed ixandarha kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-Tnejn 23 ta’ Diċembru fil-ħin tas-1.45pm.

L-ismijiet tal-karattri fis-sensiela mhux se jibqgħu Holly u Benji. Dawn kienu ismijiet mogħtija fil-verżjoni Taljana tas-Snin 80. Minflok issa għandna lil Tsubasa Ozora, li hu tfajjel fuq tiegħu li flimkien ma’ ommu jmur jgħix ġo belt ġdida.

It-tfajjel għandu passjoni kbira lejn il-futbol u malli jmur idur fil-madwar tal-post il-ġdid fejn hu u ommu marru joqgħodu, jassisti għal sfrida bejn Genzo Wakabayashi u grupp ta’ atleti minn skola differenti minn dik ta’ Genzo.

Impressjonat bil-wirja li Genzo jkun għandu kif għamel, Tsubasi jiddeċiedi li jisfidah… u minn hawn tibda l-istorja li se tkun qed tixxandar kuljum fuq Italia Uno proprju mill-ġimgħa tal-Milied.