Relikwa tal-Papa Ġwanni Pawlu I għad-Dar tal-Providenza

MFTP

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ppreżenta relikwa tal-Venerabbli Papa Ġwanni Pawlu I lid-Dar tal-Providenza. Din ir-relikwa tikkonsisti minn biċċa drapp żgħira li kienet tagħmel parti mill-qalziet tiegħu. L-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, kien ta’ għajnuna kbira.

Il-Papa Ġwanni Pawlu I, li kellu biss pontifikat ta’ 33 jum, kien maħruf għat-tbissima tiegħu u għas-sempliċità li kien jgħix fiha. Matul il-pontefikat tiegħu, il-Papa kien tkellem dwar il-persuni bi bżonnijiet speċjali. Huwa kien irrefera għad-diskors ta’ Ġesù, li kien qal li jistaħba fil-persuni bi bżonnijiet speċjali, u b’hekk dak li l-individwi jagħmlu ma’ min hu bi bżonnijiet speċjali, ikunu qed jagħmluh miegħu.

Huwa għalhekk li parti mill-binja tad-dar tal-Providenza ssemiet bħala Villa Papa Luciani, sabiex tfakkar l-inklużità tiegħu.

Il-Ministru Abela faħħar il-ħidma tal-ħaddiema u l-voluntiera li jagħmlu fid-Dar tal-Providenza. Żied jgħid li x-xogħol li jagħmlu dawn l-individwi juri xhieda ta’ mħabba vera lejn il-proxxmu.