Relikwa ta’ San Ġwann Battista tħalli Sqallija għax-Xewkija

Dan ix-xahar mistennija tasal Għawdex minn Ragusa fi Sqallija, il-Relikwa ta’ San Ġwann Battista, għall-170 anniversarju tal-istatwa titulari ta’ San Ġwann fix-Xewkija.
Ir-Relikwa tal-Għammiedi se tasal Għawdex nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju, akkumpanjata minn delegazzjoni mill-Katidral ta’ Ragusa. Fis-7.30pm issir Translazzjoni Solenni biha lejn ir-Rotunda tax-Xewkija akkumpanjata mill-membri tal-Ordni ta’ Malta. 
L-istess relikwa se tinġarr ukoll fil-Purċissjoni Titulari li toħroġ l-għada l-Ħadd fit-8.00pm mill-istess Rotunda.
Ir-relikwa, li tikkonsisti f’sinna u biċċa għadma tal-qaddis, hi miżmuma f’Relikwarju tal-fidda f’forma ta’ id maħdum fl-1664 minn arġentier Sqalli.
Barra minn hekk, fl-10 ta’ Ġunju li ġej se titnieda pubblikazzjoni lussuża fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-istatwa.  Il-pubblikazzjoni L-Għammiedi – 170 Sena l-Għaxqa tax-Xewkin tinkludi studju storiku minn Grazio A. Grech u analiżi artistika ta’ Paul Cassar, flimkien ma’ ġabra ta’ ritratti ta’ Anthony Grech.  It-tnedija se tinżamm fil-Mużew tal-Iskultura tar-Rotunda u tibda fis-7.30pm.