Relikwa bid-demm ta’ San Ġwanni Pawlu II fil-Katidral ta’ Manila

Nhar is-Sibt li għadda fil-Katidral ta’ Manila, fil-Filippini, kien espost għall-qima tal-poplu relikwarju li fih tpoġġa demm tal-Papa San Ġwanni Pawlu II li l-Kardinal Stanislaw Dziwisz, eks-Segretarju tal-Papa Pollakk, ta lid-djoċesi fl-okkażjoni tas-60 anniversarju minn meta din il-knisja reġgħet inbniet wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
“Dan ir-rigal prestiġjuż… hu ta’ konsolazzjoni u għajnuna kbira għall-morda” intqal fi stqarrija mill-Katidral ta’ Manila.
Fil-Knisja Kattolika, ir-relikwi dejjem ingħataw qima u attenzjoni speċjali, għax temmen li l-iġsma tal-qaddisin isiru strumenti tal-qdusija tagħhom. “Dawk li għandhom xi petizzjonijiet jew talbiet speċjali għandhom jiġu jitolbu bil-qima quddiem din ir-relikwa”, intqal fl-istqarrija.
Ir-Rettur tal-Katidral ta’ Manila, Fr Reggie Malecdem, qal li kien unur kbir għal din il-knijsa li tkun kustodju ta’ relikwa bħal din. “Ma stennejniex li l-Kardinal Dziwisz kien se jagħtina dan id-demm li għadu f’forma likwida”.
Ir-relikwa waslet f’Manila minn soru Filippina bbażata fil-Polonja f’Diċembru li għadda, u hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li hemm fil-Filippini.
Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, it-tobba kienu ħadu xi demm tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’każ li jkollu bżonn ta’ xi trasfużjoni ta’ emerġenza, u billi fit-tubi li fihom kien ipreżervat kien hemm sustanzi biex id-demm ma jagħqadx, dan għadu sal-lum f’forma likwida.
Fid-dinja kollha hemm seba’ relikwi biss bid-demm tal-Papa San Ġwanni Pawlu II li huma meqjuma fi knejjes.
Dak fil-Katidral ta’ Manila tpoġġa f’relikwa li hi replika eżatta li kienet ippreżentata waqt il-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tiegħu fl-2014.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, li l-Pontifikat tiegħu dam mill-1978 sal-2005, kien qaddes fil-Katidral ta’ Manila meta żar il-Filippini fi Frar tal-1981.