“Relazzjoni tajba, familja aktar kuntenta” – Il-Ministru Falzon

Read in English.

Meta f’familja jkun hemm relazzjoni tajba, twassal biex din tkun aktar kuntenta. Dan qalu l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt seminar li kien organizzat mill-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. It-tema ta’ dan is-seminar kienet ‘In-namur għadu moda?’

Matul dan is-seminar diversi professjonisti li jaħdmu fil-qasam kellhom iċ-ċans jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq dan is-suġġett. Huma qalu li għalkemm in-namur m’għadux isir bl-istess mod kif kien isir fil-passat madanakollu xorta waħda għad għandu parti integrali mir-relazzjonijiet.  Żiedu li matul iż-żmien iż-żgħażagħ qed jirrikorru għal mezzi differenti ta’ kif jibnu n-namur.

Waqt dan is-seminar kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fejn qal li wieħed għandu jirrikonoxxi li l-familja hija l-bażi ta’ kollox, minkejja l-karatteristiċi li jiddistingwu familja minn oħra.

Falzon żied li jemmen bis-sħiħ li relazzjoni tajba twassal għall-familja aktar kuntenta, magħquda fil-paċi u l-imħabba. Enfasizza li relazzjoni tajba teħtieġ komunikazzjoni, lealtà u emozzjonijiet li jibqgħu b’saħħithom fit-tul.

Il-Ministru qal li l-Gvern għandu għal qalbu l-familja u xhieda dan huwa l-miżuri li tħabbru fil-baġit li jolqtu direttament lill-familji. Kompla li l-Gvern jemmen li għandu jgħin lil dawk l-aktar familji vulnerabbli filwaqt li jiġu premjati dawk il-familji bieżla.