Is-Sibt 9 ta’ Jannar intlaħqet it-temperatura tal-arja massima ta’ 25.8°C u tniżżlet fir-rekors tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata fl-ewwel xahar tas-sena mill-1923 ‘l hawn.
Fi stqarrija l-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, spjega li t-temperatura kienet ogħla min-norma klimatika ta’ 15.6°C, li hija meħuda fuq perjodu ta’ 30 sena għax-xahar ta’ Jannar.
Is-sħana tas-Sibt baqgħet tinħass anke l-Ħadd, bit-temperatura minima tal-arja tilħaq id-19.4°C fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Infatti, din it-temperatura tniżżlet fir-rekords bħala l-ogħla temperatura minima għax-xahar ta’ Jannar li qatt ġiet irreġistrata s’issa.
Skont l-uffiċċju meterjoloġiku, din iż-żieda fit-temperatura tal-arja hija riżultat ta’ riħ li kien ġej minn fuq id-Deżert Saħara. Il-preżenza ta’ kopertura ta’ sħab sfiq b’diversi livelli mbagħad serviet biex qabdet is-sħana tal-jum u ma ħallietx li jkun hemm tibrid mal-lejl. Is-sħab ta’ livell medju kien parzjalment responsabbli għall-għabex spettakolari li esperjenzaw il-gżejjer Maltin fi tmiem il-jum tas-Sibt. Dan għaliex is-sħab irrifletta d-dawl mix-xemx fi nżulha.
Qabel is-Sibt li għadda, ir-rekord għall-għola temperatura tal-arja fl-ewwel xahar tas-sena kien intlaħaq fid-29 ta’ Jannar 1939, bit-temperatura massima ta’ 22.8°C. Iżda dakinhar, in-nuqqas ta’ sħab ippermetta li din it-temperatura għolja tinżel matul il-lejl. Infatti, ir-rekords meteoroloġiċi juru li fis-sigħat bikrin tat-30 ta’ Jannar 1939 it-temperatura minima kienet ta’ 13.9°C.
It-temp fil-jiem li ġejjin
Minħabba l-massa ta’ arja instabbli madwar il-gżejjer Maltin, partikolarment fuq il-Baħar Adrijatiku, flimkien ma’ sistema ta’ pressjoni baxxa fuq il-pajjiżi Skandinavi qegħdin iwasslu għal kundizzjonijiet tat-temp instabbli għal Malta.
Għalhekk huwa mistenni li jkollna jiem aktar kesħin, bit-temperatura tal-arja mistennija tilħaq massimu ta’ 15°C li tinżel għal 13°C nhar is-Sibt. It-temperatura minima se tvarja bejn 7°C u 11°C fil-jiem li ġejjin.
Illum u għada se jkunu jiem mirjieħa, ikkaratterizzati minn riħ mill-Majjistral ta’ Forza 5 għal 6 li f’ xi waqtiet jista’ jilħaq forza 6 għal 7. Jista’ jkun akkumpanjat minn ħalbiet ta’ xita.