Rekord ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu għall-festa tal-Vitorja

Fl-okkażjoni tal-festa tal-Vitorja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġiet reġistrata żieda ta’ passiġġieri u vetturi li qasmu lejn Għawdex.

Skont ċifri mħabbra mill-kumpanija Gozo Channel qasmu l-fliegu 82,670 passiġġieri u 22,043 vettura.

Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, dan ifissser żieda ta’ kważi 6,000 passiġġier u 1,000 vettura rispettivament.

L-għadd ta’ passiġġieri u vetturi rreġistrati f’dan il-perjodu din is-sena kien wieħed rekord meta mqabbel mal-aħħar ħames snin.

Kien fl-2008 li n-numru ta’ passiġġieri kien ikbar minn dak ta’ din is-sena, fejn kienu qasmu l-fliegu 82,911 passiġġier.

Il-Ministeru għal Għawdex laqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda ta’ passiġġieri u feraħ lill-kumpanija Gozo Channel u t-tmexxija tagħha taħt id-direzzjoni taċ-Chairperson Joe Cordina.