​Rekord ta’ parteċipanti għall-KMS Skolasport

Rekord ġdid ta’ parteċipazzjoni għall-programm ta’ KMS Skolasport, b’aktar minn 4,200 student li rreġistraw fis-sena li għaddiet.
In-numru ta’ adulti, fosthom ġenituri, li qed jipparteċipaw f’dan il-programm żdied b’iktar minn 790 persuna.
Robert Portelli, il-Kap tal-Programm ta’ KMS Skolasport, qal li minbarra s-Sibt, ħafna programmi qed isiru fost il-ġimgħa biex jakkomodaw numru ikbar ta’ parteċipanti interessati li jitgħallmu ħiliet ġodda fl-isports.
Il-programm ta’ KMS Skolasport hu maħsub għal kull età u abbiltà  biex jagħti lil kull parteċipant individwali l-opportunità li jkun fiżikament attiv u fl-istess waqt jagħmel ħbieb ġodda u jieħu pjaċir.
Il- programm KMS Skolasport, organizzat mill-Kunsill Malti għall-iSport, ikopri l-iżvilupp tal-moviment u eżerċizzju fiżiku fejn l-għan ewlieni hu li l-parteċipanti żgħar jitgħallmu l-ħiliet bażiċi tal-moviment, jieħdu pjaċir ikunu attivi, u jiżviluppaw l-għarfien biex jifhmu l-kapaċitajiet fiżiċi tagħhom.
Il-programm ta’ KMS Skolasport għall-Adulti hu disinjat biex jinkuraġġixxi lill-ġenituri u individwi jagħmlu eżerċizzju fiżiku tal-inqas darba fil-ġimgħa.
L-ikbar produttur taċ-ċereali tal-kolazzjoni fid-dinja, li ilu jisponsorja l-programm KMS Skolasport għal dan l-aħħar 14-il sena se jkompli bl-impenn tiegħu li n-nutrizzjoni tajba flimkien ma’ eżerċizzju fiżiku jwasslu għal stil ta’ ħajja li hi tajba għas-saħħa.  
KMS Skolasport toffri diversi programmi f’għadd ta’ lokalitajiet differenti, fosthom l-isports complexes li jinsabu fil-Kottonera, il-Marsa, Ħal Kirkop u Tal-Qroqq.
Barra minn hekk il-kulleġġi tal-gvern qed ikunu wkoll involuti biex il-programm jilħaq udjenzi ikbar.
Fost dawn il-kulleġġi wieħed isib l-Iskola Sekondarja tas-Subien Sta Margerita f’Bormla, l-Iskola Sekondarja tas-Subien f’Tal-Ħandaq, l-Iskola Sekondarja tal-Bniet Sta Klara f’Pembroke, l-Iskola Sekondarja tas-Subien Maria Regina fil-Mosta, l-Iskola Sekondarja tal-Bniet Maria Assunta fil-Ħamrun, u l-Iskola Sekondarja tal-Bniet Sta Tereża fl-Imrieħel.
Fl-aħħarnett, KMS Skolasport ser tiftaħ l-applikazzjonijiet għall-aħħar postijiet disponibbli fil-korsijiet li jsiru mill-24 ta’ April sat-30 ta’ Mejju 2014.