Rekord ta’ Maltin li żaru Għawdex fil-ġimgħa ta’ Santa Marija

L-għadd ta’ Maltin li telgħu Għawdex din is-sena għall-ġimgħa ta' Santa Marija kien ta’ 70,196 persuna. Dan ifisser żieda ta’ 4,652 passiġġier meta mqabbel mas-sena 2012.

Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex qal li l-ammont ta’ vetturi li qasmu l-fliegu jammonta għal 17,725, żieda ta’ 1,243 fuq is-sena li għaddiet.

Matul l-istess ġimgħa, il-kumpanija Gozo Channel għamlet 242 vjaġġ.

Il-Ministeru għal Għawdex wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif tmexxa t-traġitt bejn Malta u Għawdex, biex iċ-ċittadini jkunu moqdija aħjar kif ukoll biex juri l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li għoġobhom iżuru l-gżira Għawdxija għall-btala tagħhom f’dawn iż-żminijiet.

Stqarr li flimkien mal-Gozo Channel se jkompli jaħdem bis-sħiħ għal servizz dejjem aħjar biex Għawdex ikun aktar aċċessibbli għal kulħadd.