Rekord ta’ kumpaniji Ingliżi jitilqu mill-pajjiż

Leeds Utd

Rekord ta’ kumpaniji Ingliżi jitilqu millpajjiż

Numru rekord ta’ negozji mir-Renju Unit investew fil-Ġermanja fl-aħħar 12-il xahar bħala parti mit-tħejjijiet tagħhom biex jaffrontaw l-isfidi ta’ Brexit. Ir-Renju Unit mistenni jitlaq minn mal-bqija tat-28 Stat Membru f’Marzu li ġej. Iżda n-negozjati qed jirreġistraw progress kajman immens, fatt li qed iġiegħel bosta kumpaniji jiddubitaw jekk hux se jibqa’ jkollhom aċċess għas-suq intern b’xi forma ta’ unjoin doganali
Aktar minn 150 kumpanija rrilokaw mir-Renju Unit lejn il-Ġermanja fl-2017, 20% aktar mis-sena ta’ qabel, skont statistika ppubblikata minn Germany Trade and Invest (GTAI). Skont l-espert tal-GTAI Thomas Bozoyan, il-Ġermanja hija l-aktar pajjiż li attirat investiment mir-Renju Unit fl-Ewropa, u t-tieni fid-dinja wara l-Istati Uniti. Huwa sostna li x-xejriet attwali juru li dan in-numru se jkompli jikber.
B’kollox, il-Ġermanja attirat 1,910 kumpanija minn pajjiż ieħor is-sena li għaddiet, li ġabu magħhom 29,000 post tax-xogħol ġdid. Dan l-ammont jeskludi kważi 2,000 investiment ieħor li rriżultata minn takeoversjew mergers. Barra minn hekk, numru rekord ta’ ċittadini Brittaniċi ngħataw ċittadinanza Ġermaniża, skont l-Uffiċċju tal-Istatistika. Dan hekk kif bosta imprendituri Ingliżi qed ifittxu alternattivi għal problemi li se jkollhom b’limitazzjoni fil-libertà tal-moviment wara Brexit.
 
Telf għall-ĠE mis-settur tal-gass

Is-suq dinji għat-turbini mħaddma bil-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku aktar li tkun dgħajfa fis-snin li ġejjin. Dan minħabba kompetizzjoni qawwija mill-enerġija li tiġġedded, l-effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija u faċilitajiet aħjar ta’ ħażna. 
Dan qed iħalli impatt negattiv fuq il-kumpanija General Electric, li rat din it-taqsima tirreġistra tnaqqis fil-profitti s-sena li għaddiet. Madankollu, iż-żewġ setturi ewlenin l-oħra tal-kumpanija, dawk tal-avjazzjoni u tal-kura tas-saħħa, irreistraw titjib. General Electric tipproduċi turbini u tagħmir ieħor għall-industrija tal-enerġija, li komplessivament irreġistrat tnaqqis ta’ aktar minn 50% is-sena li għaddiet. 
Fl-ewwel kwart tal-2018, GE biegħet 12-il turbina li taħdem bil-gass, tmienja inqas mis-sena ta’ qabel. Dan wassal biex il-profitti minn din it-taqsima niżlu b’38% jew 238 miljun dollaru. Il-kumpanija tikkalkula li minn din is-sena, is-suq se jkun qed jikkonsma mill-inqas 30% gigawatts inqas.
General Electric tilfet nofs il-valur tagħha fuq il-Borża ta’ New York sa mill-bidu tal-2017, iżda wara li provdiet informazzjoni dwar ir-riżultati annwali tas-sena li għaddiet, il-valur niżel b’7.5% għal $14.18.Skont l-esperti tas-settur, parti minn dan it-tnaqqis ma’ kienx dovut biss għar-riżultati tas-sena ta’ qabel iżda għall-fatt li l-investituri ma dehrux kuntenti bil-proposti ta’ kif il-kumpanija fi ħsiebha tilqa’ għal din is-sistema.
Fid-dawl ta’ dan, waqt konferenza dwar is-suġġett li saret fl-aħħar jiem fi Florida, fl-Istati Uniti, GE ħabbret pjan ta’ investiment teknoloġiku u tnaqqis tal-ispejjeż, li jinkludi ristrutturar tal-operat tagħha li se jwassal biex jintilfu mat-12,000 impjieg.
 
San Francisco 49ers jinvestu f’Leeds Utd

Il-klabb Ingliż ta’ Leeds United, li fil-passat rebaħ it-titlu nazzjonali għal tliet darbiet, ħabbar sħubija strateġija mat-tim tal-futbol Amerikan San Francisco 49ers. 
49ers Enterprises, li hija l-kumpanija responsabbli mill-investimenti ta’ dan it-team, xtrat numru ta’ ishma li jammontaw għal ftit aktar minn 10%. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-President tal-49ers, Paraag Marathe, se jingħata siġġu fuq il-bord ta’ Leeds United.
Fil-preżent, Leeds jinsabu fiċ-Championship Ingliża, wara li fl-2004 sfaw relegati mill-Premier League u sussegwentement daħlu fi problemi finanzjarji li waslet biex il-klabb jitpoġġa f’amministrazzjoni. 
In-negozjant Taljan Andrea Radrizzani xtara l-klabb sena ilu. Radrizzani ddeskriva l-49ers bħala organizzazzjoni innovattiva u ta’ suċċess. Huwa impenja ruħu li se jkun qed juża l-fondi minn dan l-investiment biex ikompli jsaħħaħ l-iskwadra ta’ Leeds. 
Barra minn hekk iż-żewġ klabbs se jikkoperaw ukoll fuq sponsorizzazzjoni u opportunitajiet kummerċjali, strateġiji ta’ ticketing, teknoloġija, żvilupp tal-grawnd, bejgħ ta’ merchandising u żvilupp u taħriġ sportiv.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.netTel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment