Rekord ta’ każi ġodda ta’ coronavirus f’jum wieħed – WHO

FILE PHOTO: A man reacts as a medical worker takes a mouth sample for coronavirus during a community testing, as authorities race to contain the spread of coronavirus disease (COVID-19) in Abuja, Nigeria April 15, 2020. REUTERS/Afolabi Sotunde/File Photo

In-numru ta’ każi ġodda ta’ coronavirus żdiedu bi kważi 260,000 f’temp ta’ 24 siegħa. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li din ir-rata ta’ każi ġodda hija rata rekord ta’ każi ġodda f’jum wieħed minn meta bdiet il-pandemija.

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, din hija l-ewwel darba li r-rata ta’ infezzjonijiet ġodda rreġistrati f’jum wieħed qabżet il-kwart ta’ miljun. L-akbar żieda ta’ każi kienu fl-Istati Uniti, fil-Brażil, fl-Indja u fl-Afrika t’Isfel. Ir-rata globali ta’ mwiet bil-coronavirus telgħet għal 7,360 – l-akbar rata f’jum wieħed mill-10 ta’ Mejju.

Ir-rekord preċedenti ta’ każi ġodda rreġistrati, skont il-WHO, kien ġurnata qabel.

Is-Sibt, it-total ta’ każi ta’ coronavirus madwar id-dinja telgħu għal 14-il miljun. L-imwiet qabżu s-600,000. Dan abbażi tad-data li qed tinġabar mill-Università Johns Hopkins fl-Istati Uniti.