Il-MAM testendi d-direttivi sal-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu

Aġġornat 01:26 PM

Erba' pazjenti ddaħħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura lbieraħ minħabba l-coronavirus

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) sostniet li l-każi ġodda tal-coronavirus illum, l-Erbgħa, mistennija jilħqu rekord ġdid. Intant qalet li b’rabta ma’ dan, u diversi fatturi oħrajn relatati mall-coronavirus u l-mod rapidu kif qed jinfirex fil-pajjiż, il-MAM se tkun qed testendi l-perjodu fejn id-direttivi tagħha jibqgħu segwiti sal-14 ta’ Awwissu.

Mistoqsi dwar in-numru ta’ każijiet li ġew imħabbar llum, il-President tal-MAM Martin Balzan qal li fil-verità kien hemm 71 każ attiv iżda 22 każ minnhom kienu ta’ persuni li kienu diġà rriżultaw pożittivi drabi oħra. Dan b’hekk ifisser li t-total ta’ każijiet attivi ġodda għal-lum it-Tnejn huwa ta’ 49 każ.

Fi stqarrija mibgħuta kmieni dalgħodu, il-MAM qalet li d-direttivi qed ikunu segwiti minn aktar minn 95% tal-membri tagħha u b’hekk l-istrajk huwa wieħed ta’ suċċess. Irrimarkat kif tabib f’ċentru tas-saħħa spiċċa nstab pożittiv għall-virus, filwaqt li hemm ieħor fi kwarantina u qed jistenna r-riżultat. Semmiet ukoll li matul il-jum tal-bieraħ, erba’ pazjenti spiċċaw iddaħħlu l-Isptar Mater Dei b’sintomi serji relatati mal-coronavirus u b’hekk issa hemm total ta’ seba’ persuni li jinsabu l-isptar għall-kura b’rabta mal-virus.

Filwaqt li d-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sal-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu, il-MAM qalet li se tkun qed tissospendihom għal perjodu ta’ ġimgħa, bejn il-15 u t-23 ta’ Awwissu. Qalet li lesta li ddaħħal lura l-miżuri mbagħad fl-14 ta’ Awwissu, jekk il-Kabinett jibqa’ ma jaġixxix b’mod effettiv biex l-epidemija tinżamm taħt kontroll.

Il-MAM sostniet li filwaqt li l-Gvern s’issa waqqaf milli jsiru avvenimenti ta’ aktar minn 300 persuna, qed ikompli jippermetti li avvenimenti tal-massa jsiru b’massimu ta’ 300 persuna jekk fuq barra. Qalet li dan qed isir b’infurzar minimum li mhux prattiku u qed jikkrea kundizzjonijiet ideali għall-firxa tal-virus.

Semmiet ukoll kif tliet stati Baltiċi, l-Irlanda, is-Slovenja, ir-reġjuni ta’ Emilia Romagna u Puglia fl-Italja u l-Greċja għamlu restrizzjonijiet dwar vjaġġar lejn Malta. Intant iċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard fl-Istati Uniti ddikjara lil Malta bħala żona ta’ riskju għoli għall-firxa tal-coronavirus.