Rekord ta’ fallimenti fiċ-Ċina

Iċ-Ċina esperjenzat rekord ta’ kumpaniji li fallew matul din is-sena, statistika li qed tqajjem mistoqsijiet dwar kif amministraturi f’Beijing se jirreaġixxu għad-diffikultajiet finanzjarji li jinsabu fihom bosta kumpaniji statali u privati kbar.

B’kollox, matul din is-sena, il-fallimenti ta’ kumpaniji waslu għal telf ta’ 18.6 biljun dollaru, 6% aktar mis-sena li għaddiet, skont statistika miġbura minn Bloomberg. Dan hekk kif it-tkabbir ekonomiku miss l-aktar livell baxx fl-aħħar tletin sena. Fil-qalba ta’ din l-isplużjoni, hemm numru ta’ kumpaniji privati li espandew bil-qawwa fl-aħħar snin u akkumulaw dejn enormi. Fosthom, kumpaniji ewlenin fil-qasam tat-tessuti u l-kimika.

Fallew ukoll numru ta’ bonds denominati fid-dollaru – għal valur ta’ kważi 3 biljun. Fost il-problemi ewlenin li qed jikkaġunaw dan kollu, hemm ir-restrizzjonijiet għall-aċċess għal finanzjament bankarju tradizzjonali, flimkien mal-rendiment kajman tal-ekonomija. Ta’ tħassib għall-investituri hu l-fattl I mhumiex biss kumpaniji privati li qed ifallu iżda anke dawk ikkontrollati mill-Istat jew gvernijiet reġjonali li qed isofru pressjonijiet finanzjarja bla preċedent.

Il-kumpanija ta’ investimenti Tewoo Group, li fiha l-gvern ta’ Tianjin huwa azzjonist, kellha taċċetta telf sostanzjali biex Tevita li jfalli bond ta’ 300 miljun dollaru f’Diċembru, f’xokk għall-investisturi li kienu stennew li problemi bħal dawn isibu appoġġ f’Beijing.

Fid-dawl ta’ dan, il-gvern ċentrali qed jibgħat għadd ta’ esperti finanzjarji biex jgħinu l-amministrazzjonijiet lokali f’dawn l-isfidi kbar li jistgħu jipperikolaw il-futur tal-ekonomija tal-pajjiż.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd –www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment