Rekord: Ferrari Spyder tinbiegħ għal €20 miljun

Karozza tat-tip Ferrari NART Spyder tal-1967, li bħalha saru biss 10 mudelli, qabżet kull rekord u saret l-iktar karozza li nxtrat bi prezz għoli waqt irkant fl-Istati Uniti.

Skont Bloomberg, din il-karozza nbiegħet għal madwar €20.6 miljun u sa issa kellha sid wieħed biss.

Anke jekk waqt l-irkant kien hemm ħafna nies li kienu lesti jonfqu l-miljuni għal din il-karozza, xorta baqgħu skantati biċ-ċifra li spiċċat biex inxtrat.

Il-miljunarju li xtraha hu n-negozjant Kanadiż Lawrence Stroll, li ilu snin twal jixtri Ferrari antiki.  Stroll hu l-istess wieħed li fil-bidu tas-snin 90, ta l-kontribut tiegħu biex tinħoloq id-ditta famuża tal-moda Tommy Hilfiger.

L-€20 miljun jidher li se jmorru għall-karità.

Spyder bħal din intużat fil-film The Thomas Crown Affair li deher fl-1968 bl-attur prinċipali jkun Steve McQueen, li inzerta kien fost minn tal-ewwel sidien li kellu Ferrari NART Spider u li mbagħad spiċċa biex ħabat biha.

Il-Ferrari NART Spyder li għadha kemm inbiegħet, hi t-tieni l-iktar karozza fid-dinja li qatt inbiegħhet f’irkant.  Karozza Mercedes-Benz W196 tal-1954 inxtrat għal €22 miljun f’Lulju li għadda.