Reklamar fuq Facebook: Delia jirrikorri għand l-Awditur Ġenerali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rrikorra għand l-Awditur Ġenerali biex jikkonferma jekk hux se jkun qed jinvestiga l-flus li ntefqu minn fondi pubbliċi fuq il-paġni personali tal-Ministri tal-Gvern.

Dan għamlu b’reazzjoni għall-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr Hyzler fuq użu ta’ fondi pubbliċi mill-Ministri u Segretarji Parlamentari tal-Gvern.

Fl-ittra tiegħu lill-Awditur Ġenerali Delia ħeġġu biex jagħti prijorità lil din l-investigazzjoni bil-għan li l-poplu Malti jitħallas lura dawn il-flus li ntefqu bl-aktar mod abbużiv. Huwa fakkru wkoll li fir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, nstab li diversi Ministri u Segretarji Parlamentari Laburisti użaw mijiet ta’ eluf ta’ ewro għall-interessi personali u partiġġjani tagħhom.