Reklam ta’ Delia investigat mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN

Read in English.

Reklam ta’ Adrian Delia fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook qed ikun investigat mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista wara lment li din irċeviet.

Il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN l-avukat Peter Fenech ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li din irċeviet lment dwar ir-reklam. Fih jidher li Adrian Delia uża fondi tal-Partit Nazzjonalista biex iħallas għal reklam fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali.

Il-post imħallas kien dak ippubblikat ilbieraħ li fih Adrian Delia ħabbar li ssottometta l-interess tiegħu li jerġa’ jikkontesta fl-elezzjoni għal Kap tal-PN li mistennija ssir fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kien approva regola li permezz tagħha l-kandidati prospettivi kellhom jibdew il-kampanja elettorali wara li jkun sar ir-rapport ta’ due diligence mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN.

Il-kontestanti għal Kap tal-PN għandhom sa nhar it-Tnejn li ġej biex jesprimu l-interess tagħhom mal-Kummissjoni Elettorali tal-PN. Wara nhar it-Tnejn jibda proċess li permezz tiegħu, il-Kummissjoni Elettorali tagħmel il-verifiki neċessarji biex tippreżenta rapport ta’ due diligence fuq il-kandidati u tapprovahom bħala kandidati uffiċjali għal kariga ta’ Kap tal-PN. L-elezzjoni hija mistennija li ssir f’Settembru li ġej biex sa Jum l-Indipendenza l-Partit Nazzjonalista jkollu Kap ġdid.

Aktar kmieni llum issottometta l-interess tiegħu għall-istess elezzjoni Bernard Grech. F’post fuq Facebook li permezz tagħha ppubblika l-viżjoni tiegħu għal Malta u għall-PN, Grech qal li jrid Partit Nazzjonalista “li jisma’ l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet, u jaspura x-xewqat tan-nies.”

Bernard Grech għandu l-appoġġ kemm tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, tad-Deputat Parlamentari Therese Comodini Cachia u l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut li t-tlieta li huma kienu interessati li jidħlu fit-tellieq għal Kap tal-PN.