Reklam fil-gazzetti jservi ta’ pubbliċità għall-Ministru Abela – Repubblika

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika bagħtet ittra lill-Kummissarju tal-istandards li fiha qalet li qiegħed isir riklam fil-gazzetti fuq paġna sħiħa bil-kulur u fiċ-ċentru tagħha hemm il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela. L-Għaqda qalet li la hemm it-timbru tal-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa maħsub li dan ir-riklam huwa mħallas mill-istess uffiċċju.  

L-għaqda Repubblika spjegat li dan ir-riklam ma jinkludix ingaġġ ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku, jew informazzjoni fuq it-taxxi, inċentiv biex wieħed iżur il-mużewijiet jew inizjattivi kulturali fost l-oħrajn. Għalhekk dan ir-riklam jista’ jiġi interpretat li l-Ministru Carmelo Abela qiegħed ifittex li jerġa’ jiġi elett mill-kostintwenti tiegħu fl-elezzjoni li ġejja.

Repubblika qalu li l-irwol ta’ Carmelo Abela għandu żewġ irwoli f’wieħed; dak ta’ Ministru tal-Gvern u l-irwol tiegħu bħala membru parlamentari u qiegħed juża l-influwenza tiegħu fil-baġit tal-Ministeru.

Fid-dawl ta’ dan l-għaqda Repubblika qalet li jekk il-Ministru Abela jinsab ħati bi ksur ta’ etika huwa għandu jħallas lura 50% tal-ispiża ta’ din il-kampanja u l-Kummissarju għandu jagħmel ir-rikomandazzjonijiet lill-Gvern biex jimplimenta miżuri u kriterji li jinkludu li l-ebda ministru ma jkun jista’ juża materjal promozzjonali għall-kampanja elettorali tiegħu.