Rejd tad-droga fil-Gżira; 3 persuni jinżammu taħt arrest

Luke Zerafa

Tliet irġiel tressqu l-Qorti b’numru ta’ akkużi relatati mad-droga u ġew irrifjutati l-ħelsien mill-arrest wara rejd mill-Pulizija f’appartament fil-Gżira. Huma baqgħu jinżammu taħt arrest.

Żewġ irġiel Serbi wieħed ta’ 37 sena u ieħor ta’ 42 sena tressqu quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli dalgħodu. Ir-raġel ta’ 37 sena ġie akkużat b’komplott biex jimporta l-ecstasy, pussess aggravat u l-bejgħ tal-kannabis mal-100 metru ‘l bogħod minn fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Huma t-tnejn wieġbu mhux ħatja iżda ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.

Intant, Malti ta’ 40 sena minn Ħal Qormi wkoll ġie akkużat b’komplott biex jitraffika l-kannabis u l-pussess tal-istess droga f’mumenti meta kien ċar li ma kinitx biss għall-użu personali tiegħu.

Ritratti: Raid mill-Pulizija fil-Gżira

L-Ispettur Justine Grech qalet li fl-1 t’April il-Pulizija raw liż-żewġ Serbi jiltaqgħu u jgħaddu kaxxa bejniethom. Din tpoġġiet ġo karozzi li kienet ġo garaxx. Il-kaxxa nstab li kien fiha l-ħaxixa tal-kannabis. Aktar droga nstabet wara l-interrogazzjoni, bit-total jitla’ għal 17-il kilogramma.

Intant, l-avukat tad-difiża argumentat għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li s-Serb ta’ 42 sena ilu jgħix Malta għal 16-il sena u għandu n-negozju tiegħu, kif ukoll tliet itfal li jmorru l-iskola Malta. Madanakollu t-talba ġiet irrifjutata, filwaqt li ġie ordnat li jiġu ffriżati l-assi tiegħu kif jiġri f’każ ta’ traffikar tad-droga.

Dwar il-Malti, l-Ispettur Grech qalet li r-raġel deher jipparkja l-karozza tiegħu f’Tas-Sliema fejn tpoġġiet kaxxa ta’ 17-il kilogamma kannabis. Instab fuqu wkoll joint meta ġie arrestat. Ir-raġel se jkun qed jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli minħabba problemi mediċi serji.