Rejd mill-Pulizija fil-Furjana; Arresti x’aktarx b’rabta mal-qtil doppju

Aġġornat 06:14 PM

Read in English.

Aktar kmieni llum, seħħ rejd mill-Pulizija fi Pjazza Robert Sammut fil-Furjana. Kienu arrestati xi persuni allegatament b’rabta mal-qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema.

Kelliem għall-Pulizija fuq il-post ikkonferma mal-ġurnalisti li ġew arrestati xi persuni. Qal li ma jistax jagħti aktar dettalji dwar il-każ għax l-investigazzjonijiet għadhom fil-bidu tagħhom. Qal li ladarba jkun jista’ jagħti aktar informazzjoni din se tkun qed tintbagħat permezz ta’ stqarrija jew issir konferenza tal-aħbarijiet.

Aktar kmieni, Newsbook.com.mt kkuntattja lill-Pulizija li spjegaw li ma kellhomx informazzjoni dwar il-każ u li jekk ikun hemm informazzjoni se tingħatalhom fi stqarrija.

Filmat li wasal għand Newsbook.com.mt juri l-Pulizija jippuntaw l-armi tan-nar tagħhom bħala mezz ta’ difiża waqt li kien qed isir ir-rejd fil-Furjana. Aktar minn persuna waħda kienu arrestati allegatament b’rabta mal-qtil doppju.

Ilbieraħ kien irrappurtat li l-vettura li nstaqet mill-allegat aggressuri fil-qtil doppju f’Tas-Sliema nstabet fil-parkeġġ tal-isptar San Luqa fi Gwardamangia. Hekk irrapporta l-istazzjon nazzjonali f’servizz li fih jingħad ukoll li l-Pulizija qed jimxu fuq it-teorija li s-suspettati huma persuni professjonali, x’aktarx mil-Lvant tal-Ewropa.

It-tabib Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski nqatlu kiesaħ u biered f’residenza fi Triq Locker f’Tas-Sliema.

Il-PN ifaħħar il-ħidma tal-Pulizija 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami, f’isem l-Oppożizzjoni faħħar u sellem lill-membri tal-Korp tal-Pulzija li llum wara nofsinhar wettqu ħidma perikoluża li wasslet għall-arresti b’konessjoni mal-omiċidju doppju li seħħ fil-pajjiż xi jiem ilu. L-Oppożizzjoni insistiet li l-pajjiż jixraqlu Korp tal-Pulizija li jkun effiċjenti, u kommess fil-ġlieda kontra l-kriminalità ġejja minn fejn ġejja.

Il-PL jappella għal rispett lejn il-Pulizija u l-familji tagħhom

Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-ħidma delikata mill-Korp tal-Pulizija, li seħħet iktar kmieni llum, tixhed il-ħidma professjonali tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li ta’ kuljum juru impenn u dedikazzjoni mill-ikbar biex iħarsu lis-soċjetà u l-pajjiż jasal għal ġustizzja meta jseħħu delitti serji. 

Qal li l-Korp tal-Pulizija qed juri professjonalità fuq kull livell. Insista li fuq kollox ir-rispett lejn il-pulizija għandu jkun wieħed ta’ kuljum. Il-Partit Laburista appella lill-Gvern biex ikompli jipprovdi l-qafas li permezz tiegħu l-Korp tal-Pulizja u l-Korpi Dixxiplinati kollha  jkomplu jissaħħu u jsiru iktar effiċjenti. 

Filmat: Miguela Xuereb