Rejd Ħamrun: Wieħed mill-akkużati jgħid li daħħal id-droga għax wiegħduh €1,000

Raġel li qed ikun akkużat bi traffikar tad-droga wara li 32 kilogramma kannabis nstabu fil-karozza tiegħu, qal fil-Qorti li hu biss vittma wara li skontu ż-żewġ Maltin kompliċi tiegħu offrewlu €1,000 biex idaħħal id-droga.
Il-ġimgħa li għaddiet, wara r-rejd il-Ħamrun, it-Taljan u l-Maltin inżammu arrestati u l-assi tagħhom ġew iffriżati. Apparti traffikar u pussess tad-droga, it-Taljan qed ikun akkużat ukoll b’ħsail ta’ flus wara li fil-karozza tiegħu nstabu €42,000 fi flus kontanti.
Waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-każ tat-tliet akkużati, l-Ispettur Kevin Pulis spjega kif il-Pulizija kienet infurmata dwar traffikar tad-droga bejn iż-żewġ Maltin u t-Taljan.
Huwa spjega kif sar ir-rejd u kif wieħed mill-akkużati kien ħiereġ minn kumpless ta’ garaxxijiet u twaqqaf ftit qabel telaq.
L-uffiċjali għamlu tfittxija fil-karozza bi pjanċi barranin u li ħdejha kien hemm l-akkużat Malti l-ieħor u t-Taljan.
Fuq is-siġġu tal-sewwieq instabu żewġ boroż bi flus kontanti u wara aktar tfittxija l-Pulizija sabu kompartament li kien operat bis-sistema tal- hydraulic.
Il-kannabis instabet f’dan il-kompartament.
L-Ispettur spjega kif it-Taljan ammeta li d-droga kienet tiegħu iżda rrifjuta l-assistenza legali u qal biss li lest jagħmel stqarrija quddiem il-Maġistrat inkwerenti.
Taħt ġurament, huwa spjega kif iltaqa’ mal-Maltin xi jiem qabel sar ir-rejd u dawn offrewlu €1,000 jekk iġib id-droga minn Sqallija bil-katamaran u jagħtiha lilhom.
Huwa qal li għamel kull ma qalulu u ma kellux idea minn fejn kienet ġejja d-droga.
Dwar il-flus, huwa qal li wieħed mill-akkużati Maltin waddabhomlu fil-karozza iżda ma kellu l-ebda idea x’kienu u x’kellu jagħmel bihom.
Il-każ ikompli din il-ġimgħa.