Rejd għad-droga f’dar li fiha kien hemm tifel ta’ 8 snin

Il-Pulizija arrestat żewġ persuni f’rejd li sar f’dar li fiha kien hemm tifel ta’ 8 snin.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li r-rejd sar ilbieraħ u li ġew arrestati żewġt aħwa ġuvintur ta’ 18 u 22 sena. Ir-rejd sar f’Birkirkara fi Triq Santa Tereża.

Il-Pulizija osservat liż-żgħażagħ deħlin u ħerġin mill-istess residenza f’diversi ħinijiet tal-ġurnata fuq perjodu ta’ diversi jiem. Fir-residenza nstabu diversi qratas b’sustanza ħadranija allegatament droga sintetika lesta biex tiġi traffikata flimkien ma’ qratas bil-pjanta kannabis u ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti. Fil-post nstabu wkoll arloġġi u affarijiet oħra li qed isir aktar stħarriġ dwarhom.

Fir-residenza kien hemm ukoll mara ta’ 44 sena, flimkien ma’ binha ta’ 8 snin.

Skont il-Pulizija, minħabba l-kundizzjonijiet iġeniċi ħżiena fil-post u l-preżenza tad-droga l-Pulizija talbet l-għajnuna taċ-Child Protection Services Unit fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. Dawn ġew fuq il-post biex “jieħdu ħsieb l-interessi tal-minuri”.