Rejd fuq bank li uża Konrad Mizzi – Fondazzjoni Daphne

Il-Fondazzjoni Daphne qalet li sar rejd fuq bank li uża l-MP tal-Partit Laburista Konrad Mizzi bl-involviment ta’ 300 uffiċjal tal-pulizija fil-Latvja.

Fi stqarrija l-Fondazzjoni Daphne qalet li r-rejd li sar fuq il-bank ABLV juri l-ħtieġa li hemm għal Joint Investigation Team mill-Europol. Il-fondazzjoni qalet li l-rejd sar ilbieraħ fil-kapitali Riga.

Ix-xandar tal-istat tal-Latvja ddeskriva r-rejd bħala wieħed mill-akbar rejds fl-istorja tal-pajjiż. Għadd ta’ persuni ġew arrestati.

Il-Fondazzjoni qalet li dan il-bank intuża fl-iskemi tal-ħasil tal-flus u tat-tixħim tal-eks Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-eks PM Joseph Muscat Keith Schembri.

Il-fondazzjoni qalet li sar rejd fuq il-bank wara li ssottomettiet rapport ta’ 31 paġna lit-taqsima tal-intelliġenza finanzjarja tal-Latvja f’Mejju tal-2019.

“Fiż-żmien tal-assassinju tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga lill-17 Black Ltd, shell company fl-Ajman Free Zone li s-sid tagħha huwa [Yorgen] Fenech, u lill-Electrogras, il-konsorzju tal-enerġija li fih il-kumpanija statali tal-Ażerbajġan SOCAR, Siemens, u grupp ta’ imsieħba Maltin inkluż Fenech huma imsieħba,” qalet il-Fondazzjoni.

Spjegat li l-pagamenti għall-kont sigriet ta’ Fenech f’Noor Bank fid-Dubaj saru minn kont fil-bank ABLV reġistrat fuq l-isem ta’ Rufat Baratzada. Il-fondazzjoni ddeskrivietu bħala “Ażerbaijani frontman.”

Il-fondazzjoni qalet li l-pagamenti fil-kont ta’ 17 Black ta’ Fenech ħabtu mal-iffirmar ta’ negozji kruċjali bejn il-Gvern Malti, is-SOCAR, u l-Electrogas.

Il-fondazzjoni appellat lill-Europol u lill-awtoritajiet fil-Latvja biex jippreżervaw l-evidenza kollha mill-bank ABLV u biex jibdew Joint Investigation Team (JIT). Dan biex tkun tista’ tinġabar evidenza minn Malta, mil-Latvja, mill-Panama Papers, u minn sorsi oħra. Saħqet li dan ifisser li dawk kollha involuti fil-korruzzjoni, il-qtil, u s-sabutaġġ tal-investigazzjoni jaffaċċjaw il-ġustizzja.

Omtzigt isejjaħ għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-korruzzjoni f’Malta

Ir-rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt sejjaħ għal investigazzjoni internazzjonali bl-għajnuna tal-Europol dwar il-korruzzjoni f’Malta.

Reċentament għadd ta’ NGOs tal-ħelsien tal-midja sejħu lill-Avukat Ġenerali Malti biex jiftaħ l-hekk imsejjaħ Joint Investigation Team (JIT) dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

It-tifel tal-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia, qal lil Newsbook.com.mt li r-raġuni għalfejn Malta qed tirrifjuta l-għajnuna minn barra tista’ tkun biss waħda ħażina. Qal li qed isir cover up tal-korruzzjoni li wasslet għall-qtil ta’ ommu.