Rejd f’bar f’Għawdex; 6 persuni arrestati

CMRU

Read in English.

Sitt persuni, tliet irġiel u tliet nisa, ġew arrestati mill-Pulizija f’rejd li sar mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fl-Imġarr f’Għawdex.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li r-rejd sar f’bar fin-nofsiegħa ta’ filgħodu, fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda.  Ir-rejd sar wara ġimgħat ta’ sorveljanza fejn ġie nnutat li l-bar kien qed jiftaħ bil-moħbi u li fih kien isir l-allegat traffikar u abbuż ta’ droga.

L-istess sorsi qalu li meta l-pulizija daħlu fuq il-post sabu madwar 12-il persuna, b’għadd minnhom, inkluż sid il-bar, instabu li allegatament kellhom id-droga kokaina, ħaxixa u ecstacy.  

Barra minn hekk, il-persuni kollha li kienu fil-bar ġew irrappurtati fuq ksur ta’ Avviżi Legali li nħarġu b’rabta mal-imxija tal-coronavirus. Is-sid tal-bar ingħata wkoll multa talli fetaħ il-ħanut għan-nies.

Fl-aħħar jiem, il-Pulizija solviet każi oħra ta’ traffikar u abbuż ta’ droga. Każ minnhom seħħ il-Belt Valletta u l-ieħor Raħal Ġdid.