Rejd droga: 7 arrestati f’San Pawl il-Baħar

Seba’ persuni ġew arrestati f’San Pawl il-Baħar tard ilbieraħ filgħaxija f’rejd li l-Pulzija għamlet f’residenza fi Triq il-Mazzola.
Ilbieraħ għall-ħabta tad-disgħa u nofs il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra, bl-assistenza tar-RIU u s-sezzjoni tal-klieb, wettqu rejd fejn instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar u t-teħid tad-droga.
Fit-tfittxija nstabu miżien elettroniku, kif ukoll madwar 20 gramma sustanza susepettata kokaina li kienet imqassma f’żewġ boroż, flimkien ma’ traċċi ta’ sustanza suspettata eroina.
Il-Pulizija arrestat sid ir-residenza, flimkien ma’ ħamest irġiel u mara, li l-età tagħhom tvarja bejn 33 u 55 sena.
Fuq il-post issejjħet ukoll l-assistenza tal-Animal Welfare, peress li fir-residenza kien hemm ukoll xi klieb.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li sid il-post mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.