Rejd b’rabta mas-servizz illegali tal-IPTV

tv streaming television streaming iptv
Photo by Glenn Carstens-Peters on Unsplash

Read in English.

Il-Pulizija f’Malta ssekkwestrat apparat tal-IPTV wara diversi tfittxijiet li saru fi tliet proprjetajiet differenti tal-istess individwu din il-ġimgħa.

Kelliem mill-Iskwadra tal-Pulizija spjega ma’ Newsbook.com.mt kif fl-10 ta’ Novembru, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali ħadet azzjoni fuq l-użu illegali tal-IPTV wara talba mill-awtoritajiet Taljani. Eurojust ħadet ħsieb din it-tfittxija f’20 post differenti.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħarġet mandat għal tiftix u sekwestru wara Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea kif kien mitlub mill-Guardia di Finanza b’rabta mal-Operazzjoni Perfect Storm.

Lokalment, il-ħidma kienet immexxija mill-Iskwadra Kontra r-Reati Finanzjarji kif ukoll dik ta’ Kontra r-Reati Diġitali. It-tfittxijiet saru f’żewġ postijiet tal-istess sid f’Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar.

Waqt it-tfittxija, il-Pulizija sabet apparat relatat mal-IPTV, madwar 150 apparat elettroniku, 48 Smart Satellite Cards, żewġ smartphones kif ukoll €13,000 fi flus kontanti.

Ma sar l-ebda arrest minn mindu sar il-mandat għal tiftix u sekwestru filwaqt li l-kelliem minn naħa tal-Pulizija qal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Iktar informazzjoni:

L-awtoritajiet Taljani talbu l-Eurojust sabiex tħejji operazzjoni kontra x-xandir illegali ta’ stazzjonijiet u films. Din l-operazzjoni kixfet 5,550 server tal-kompjuter li kienu qegħdin jintużaw sabiex jiġu trażmessi u merfugħin xandiriet televiżivi, logħob sportiv b’xandira diretta kif ukoll films,mingħajr ma jiġu mħallsa s-sidien leġittimi. Dawn is-servers instabu fl-Italja, Bulgarija, Franza, Ġermanja, Litwanja, Malta, Rumanija, Slovenja, Żvezja u l-Olanda.

L-awtoritajiet Taljani arrestaw persuna li huwa maħsub li qiegħda tmexxi dawn l-attivitajiet kriminali. Bi profitt stmat ta’ €10.7 miljuni, ġew sekwestrati wkoll apparat tekniku, għodod oħrajn ta’ komunikazzjoni, apparat biex bih isiru ħlasijiet ta’ pagamenti kif ukoll karozzi lussużi. Dawk li kienu qegħdin jagħmlu użu minn dawn is-servizzi twaqqfilhom dan l-aċċess.

Aktar dwar is-servizz tal-IPTV
Jitwaqqaf is-servizz tal-IPTV għal xi Maltin

Is-sena li għaddiet, il-Eurojust mexxiet investigazzjonijiet ġudizzjali kontra gruppi ta’ kriminalità organizzata li kienu qegħdin jimirħu f’attivitajiet illegali relatati ma’ frodi u ksur tal-liġi tad-dritt tal-awtur permezz ta’ pay-TV u servizzi oħra ta’ xandir. F’Settembru tal-2019, il-Eurojust mexxiet operazzjoni oħra li permezz tagħha twaqqgħu 200 server li kienu qegħdin jiġu użati għal skopijiet illegali.

Il-Viċi President tal-Eurojust qal li wara l-operazzjoni kbira li saret fl-Italja fis-sena preċedenti, ma waqfux jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-awtoritajiet nazzjonali. Ħadu ħsieb li jkomplu b’xogħolhom u ma jissodisfawx ruħhom biss b’operazzjoni waħda. Saħaq li l-għan aħħari huwa li jtejbu l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet u li jwaqqfu dan il-fenomenu kriminali.”

Qabel dawn il-ħidmiet, il-Eurojust organizzat tliet laqgħat ta’ koordinazzjoni u ċentru tal-koordinazzjoni sabiex jassistu lill-pajjiżi involuti. Il-ħidmiet fuq l-art kienu mmexxija mill-Uffiċċju Pubbliku tal-Prosekuturi ta’ Napli li ġew megħjuna minn skwadra speċjalizzata tal-Pulizija tal-Istat fl-Italja, b’kooperazzjoni mat-taqsima relatata mal-Italja tal-Eurojust. Fil-pajjiżi fejn seħħew dawn l-operazzjonijiet kien hemm madwar 700 pulizija involut.