Regoli “tad-deheb” fis-sewqan minn 12-il mara

Stocksnap.io

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport (MMF) nediet kampanja fuq il-midja soċjali biex tippromwovi dawk li sejħitilhom it-12-il regola tad-deheb bħala parti mill-kampanja globali tal-Federation Internationale de l’Automobile (FIA) għal sewqan iżjed sigur. Dan sar bis-sapport ta’ 12-il mara Maltija li huma sewwieqa tal-Motorsport (WIM).

It-12-il regola jikkonsistu f’pariri bil-għan li s-sewwieqa jtejbu l-kwalità tas-sewqan tagħhom u jfakkruhom li għandhom responsabbilità mhux biss tagħhom infushom iżda tal-passiġġieri u sewwieqa oħrajn.

It-12-il regola huma dawn:

  • Żomm mal-limitu tal-veloċità tas-sewqan
  • Tixrobx alkoħol u ssuq
  • Jekk għandek xi tfal, uża ċ-ċintorin tas-sigurtà għat-tfal
  • Dejjem oqgħod attent
  • Ilbes iċ-ċintorin tas-sigurtà waqt li qiegħed issuq
  • Tibgħatx messaġġi waqt li qiegħed issuq
  • Ieqaf jekk qed tħossok għajjien
  • Ilbes elmu
  • Iċċekkja t-tyres kollha
  • Kun alert
  • Iċċekkja l-vista t’għajnejk
  • Naqqas mill-veloċità kif tilmaħ it-tfal

F’din il-kampanja, is-sewwieqa flimkien mal-karozzi tat-tiġrijiet tagħhom iwasslu dawn il-messaġġi, filwaqt li jisħqu dwar l-importanza li minkejja li qegħdin f’pandemija, is-sewqan m’għandux jiġi affettwat b’mod ħażin.

Marisa Grixti, il-koordinatriċi nazzjonali għall-FIA Women in Motorsport, qalet li bl-għajnuna tas-Segretarju Ġenerali tal-MMF Susanne Fenech u l-eks President tal-MMF Tonio Cini, se jkunu qegħdin imexxu din il-kampanja filwaqt li jippromwovu nisa Maltin li huma sewwieqa tal-motorsport u li jikkompetu f’diversi dixxiplini tal-motorsport.

Grixti qalet kif l-idea bdiet hekk kif Susanne Fenech uriet interess li tippromwovi l-WIM u ddiskutiet il-kunċett li tinħoloq kuxjenza għal sewqan responsabbli. Dan minħabba l-fatt li n-numru ta’ inċidenti u fatalitajiet fit-toroq Maltin huwa wieħed ta’ tħassib.

In-nisa li qegħdin jieħdu sehem f’din il-kampanja kollha jikkompetu fl-ogħla kompetizzjonijiet ta’ motorsport f’Malta li statistikament huwa ddominat mill-irġiel.

Minkejja dan, iridu jwasslu l-messaġġ, li hemm diversi sewwieqa femminili responsabbli tal-motorsport li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn tmien snin sa 50 sena u li jaqdu rwoli differenti fil-ħajja tagħhom fosthom ta’ studenti, professjonisti u anke ommijiet. Fit-tlielaq ħafna minn dawn jirreġistraw ħinijiet viċin ħafna għal dawk tal-irġiel u saħansitra ġieli jkunu rebbieħa.

B’hekk permezz ta’ din il-kampanja, ħa jintbagħtu żewġ messaġġi; l-importanza ta’ sewqan responsabbli u rikonoxximent lejn in-nisa sewwieqa tal-Motorsport lokali. In-nisa kapaċi jkunu kemm sewwieqa, uffiċjali kif ukoll parti mill-amministrazzjoni.

Il-President tal-MMF, Duncan Micallef, sostna kif ir-riskju ta’ fatalitajiet fit-toroq huma dejjem preżenti mhux biss fi żmien il-festi iżda matul is-sena kollha. Huwa kkonkluda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq din il-kampanja filwaqt li ġew irrispettati r-restrizzjonijiet maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa minħabba l-pandemija.