Regoli ġodda għal min jaħdem fil-kostruzzjoni

F’Awwissu mistennija jidħlu fis-seħħ sett ta’ regolamenti ġodda dwar is-saħħa u s-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-fażijiet kollha ta’ proġett ta’ kostruzzjoni sar-restawr, il-manutenzjoni u ż-żamma tal-bini kollha jinsabu fl-Avviż Legali dwar rwoli speċifiċi. Ir-regolamenti l-ġodda se jinkludu wkoll regoli ġodda dwar xogħol fil-għoli.

Dalli saħqet li dawn ir-regolamenti se jwasslu biex jinżammu livelli għolja ta’ saħħa u sigurtà filwaqt se jitneħħew ċerti piżijiet u spejjeż burokratiċi li mhux meħtieġa. Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci qal li fir-regolamenti l-ġodda il-pjan u file tas-saħħa u sigurta tal-ħaddiem mhux se jibqa’ iktar responsabbilità tal-klijent li għalih se jitwettaq ix-xogħol imma se jaqa’ taħt ir-responsabbilita tal-kuntrattur.

Bidla oħra se tkun li se jinħatar supervisor wieħed u dan se jkollu jġorr ir-responsabbilità tul il-proġett kollu, jiġifieri mid-disinn sal-eżekuzzjoni. Qabel kienu jinħatru tnejn. Din hija miżura biex jitwaqqaf l-abbuż skont Gauci. Il-klijent ma għadux iktar responsabbli li jibgħat il-formola ta’ notifika iżda din se taqa’ f’idejn is-supervisor.

Ir-regolamenti huma aċċessibbli mil-website tal-OHSA.