​Regoli ġodda għal min ibigħ annimali onlajn

Mit-2 ta’ April li ġej, min ibigħ annimali onlajn irid japplika għal-liċenzja mad-Direttorat tar-Regolamentazzjoni Veterinarja. B’hekk l-għadd ta’ persuni li jbigħu annimali domestiċi fuq Facebook jew fuq Maltapark issa se jkollhom japplikaw għal-liċenzja minn tal-inqas xahrejn qabel.
Bħalissa fuq Maltapark hemm ‘il fuq minn 4,200 reklam dwar annimali għal bejgħ li jinkludu klieb, qtates, ħut u għasafar.
Kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għall-Annimali qalet ma’ Newsbook.com.mt li sa issa ma kien hemm l-ebda liġi li tirregola dan il-qasam.
Żiedet tgħid li wieħed irid japplika għal-liċenzja minn tal-inqas xahrejn qabel ma jkun jista’ jibda jinnegozja annimali domestiċi. Spjegat kif trid issir ukoll distinzjoni ċara bejn liċenzjar ta’ pet shop u breeders tal-klieb li huma diġà liċenzjati taħt qafas legali ieħor.
Saħqet li sakemm tidħol fis-seħħ din il-liġi sussidjarja, il-bejgħ ta’ annimali onlajn mhux irregolat mill-punt ta’ Trattament Xieraq tal-Annimali. Għalhekk sakemm il-proviżjonijiet legali oħra fosthom dawk fiskali jiġu mħarsa, m’hemm xejn li jżomm individwu milli jbigħ onlajn.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, l-istess kelliema qalet li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi rrapporta numru ta’ każijiet lill-pulizija għall-investigazzjoni.
Żiedet tgħid li dawn kienu jinkludu każijiet ta’ bejgħ ta’ annimali fejn kien hemm suspett li setgħu ddaħħlu Malta b’mod mhux konformi mar-regolamenti, jew li setgħu jimplikaw xi attività oħra suspettuża li tinvolvi l-annimali u li dwarhom kien qed isir bejgħ jew reklamar onlajn. 

Ħalli kumment hawn b'ismek u kunjomok.