Regoli ġodda dwar l-awtentikar tar-relikwi

Dawk ir-relikwi biss li jkunu ċertifikati bħala awtentiċi jistgħu jkunu esposti għall-qima tal-insara. It-teħid ta’ partijiet mill-ġisem biex jintużaw bħala relikwi jekk l-Isqof tal-post ma jiksibx permess li jagħmel dan mill-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, hu projbit.
Dawn huma struzzjonijiet li ħarġu riċentement mill-Vatikan dwar ir-relikwi.
Il-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin f’nofs dan ix-xahar ippubblikat sett ta’ struzzjonijiet u kjarifiki dwar il-proċedura kanonika li l-Isqfijiet għandhom isegwu fi sforz biex jivverifikaw l-awtentiċita’ tar-relikwi u fdalijiet mortali ta’ qaddisin u beati u biex jiggarantixxu aħjar il-preservazzjoni tar-relikwi, japprovaw iċ-ċaqlieq tagħhom minn post għal ieħor u jippromwovu l-venerazzjoni tagħhom.
Dawn l-istruzzjonijiet se jieħdu post struzzjonijiet preċedenti li kienu ħarġu fl-2007.  L-istruzzjonijiet il-ġodda jenfasizzaw il-proċeduri speċifiċi u l-persuni li għandhom rwol speċifiku għar-rikonoxximent kanoniku tal-awtentiċita tar-relikwi u fdalijiet tal-qaddisin jew oħrajn li jinsabu fit-triq tal-qdusija.  Jispeċifikaw ukoll li kull azzjoni li tittieħed dwar ir-relikwi u fdalijiet oħra jridu jkunu konformi mal-liġijiet ċivili lokali u jkollhom il-kunsens tal-Kongregazzjoni u l-eredi tal-persuni konċernati.
F’każ ta’ proċess ta’ kanoniżazzjoni fi stadju avanzat, xi biċċiet żgħar ta’ ħwejjeġ li diġa’ nġabru mill-fdalijiet umani għandhom jingħatgaw lill-Postulatur jew il-viċi tiegħu biex jitpoġġew f’relikwarju siġillat, jgħidu l-istruzzjonijiet il-ġodda.
Iżda mhux permezz li jitneħħew partijiet mill-ġisem jekk l-Isqof tal-post ma jiksibx permess mill-Kongregazzjoni tal-Qaddisin.  Il-bejgħ jew negozju minn relikwi hu assolutament projbit u anke l-espożizzjoni tagħhom f’postijiet profani jew ostijiet mhux awtoriżżati.
Ir-regoli jgħidu wkoll li għandhom ikunu evitati sinjali ta’ qima lejn il-fdalijiet ta’ xi venerabbli jew qaddej t’Alla qabel il-beatifikazzjoni.
Irid ikun hemm il-kunsens il-miktub mill-Kongregazzjoni tal-Qaddisin biex xi Isqof iċaqlaq, jittrasferixxi jew jagħmel pellegrinaġġi b’relikwi jew fdalijiet mortali ta’ qaddisin jew beati.