Regoli fir-Ramla tal-Mixquqa biex ikunu protetti l-bejtiet tal-fkieren

Read in English.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet regoli u linjigwida għall-pubbliku sabiex ikunu protetti l-passaġġi tal-fkieren u l-bejtiet tagħhom fir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Sands) f’Għajn Tuffieħa.

Permezz ta’ notifika fil-bajja, il-pubbliku kien avżat li sakemm ma jkunx awtorizzat mill-ERA, sat-8 ta’ Settembru huwa pprojbit li:

  • Tidħol fiż-żona magħluqa;
  • Toħloq dell fiż-żona magħluqa;
  • Tieħu annimali fiż-żona magħluqa;
  • Tuża generators li jiġġeneraw l-elettriku permezz ta’ fjuwil;
  • Tagħmel storbju u vibrazzjonijiet eċċessivi, jew iddoqq mużika għolja;
  • Tarma u taħraq logħob tan-nar jew splussiv.

Intant, sat-8 ta’ Settembru bejn is-6.30pm u 7.30am tal-għada, l-ikkampjar, attivitajiet ta’ catering jew attivitajiet organizzati jistgħu jsiru biss f’żoni speċifiċi li huma mmarkati fuq mapep fuq il-bajja. Avvenimenti organizzati fi gruppi ta’ iżjed minn 10 persuni f’dawn iż-żoni jirrikjedu permess mill-ERA.

Intant, mill-10 ta’ Awwissu sat-8 ta’ Settembru bejn is-6.30pm u s-7.30am tal-għada, dawn l-attivitajiet huma pprojbiti:

  • Li tfixkel jew ixxekkel il-passaġġ tal-fkieren lejn il-baħar;
  • Li tuża kwalunkwe dawl sakemm mhux skrinjat (sabiex ma jkunx viżibbli direttament miż-żona magħluqa) jew sakemm mhux mgħotti b’filtru aħmar;
  • Li tuża kull xorta ta’ apparat li jitfa’ d-dawl għal skopijiet ta’ sajd jew għall-qbid ta’ fawna;
  • Li tuża kull xorta ta’ xibka tas-sajd li tpoġġi oġġetti fil-wiċċ tal-baħar li jistgħu jostakolaw il-passaġġ tal-fkieren;
  • Li tħaffer ħofor fir-ramel.

L-ERA qalet ukoll li huwa pprojbit li tiddisturba, tieħu jew tneħħi bajd, frieħ jew fkieren tal-baħar kemm jekk ħajjin u ankej mejtin.

Important notice for users of Golden Sands (Ramla tal-Mixquqa). Mellieha Local Council prohibits use charcoal/ wood…

Posted by Nature Trust – FEE Malta on Saturday, July 18, 2020

Intant, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qal li l-użu taċ-charcoal u njam għall-BBQs huwa pprojbit matul is-sena kollha. Intant, għall-BBQs tal-gass, wieħed irid jikseb permess mill-Kunsill Lokali.

Xi ġimgħat ilu, fekruna telgħet tbid f’din l-istess bajja. L-ERA fi stqarrija qalet li l-aħħar każ f’Golden Bay kien fl-2016 iżda dan huwa t-tieni każ din is-sena hekk kif bħalissa hemm il-bajd ta’ fekruna fil-bajja tar-Ramla f’Għawdex.

Jekk tara illegalità ambjentali jew attività tal-fkieren tista’ tirrapporta mill-ewwel lill-ERA fuq 99210404.