Jekk għandek drone u tixtieq ittajjru, il-Membri Parlamentari Ewropej għadhom kemm addottaw regoli komuni tal-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat l-użu sigur tad-drones u jiġu aġġornati r-regoli tas-sigurtà.
Dan intqal fi stqarrija mill-Parlament Ewropew fejn ġie spjegat li l-MEPs approvaw ftehim informali li ntlaħaq bejn in-negozjaturi tal-Kunsill u l-Parlament, f’Novembru tal-2017 dwar regoli għad-drones u l-operaturi tad-drones.
Dan sar sabiex ikun hemm livell komuni ta’ sigurtà u biex l-operaturi u l-produtturi jkunu jistgħu jiżviluppaw il-prodotti u s-servizzi f’qafas legali prevedibbli.
Spjegaw li bħalissa l-biċċa l-kbira tad-drones jaqgħu taħt regoli nazzjonali differenti, u dan jaf ixekkel l-iżvilupp tagħhom.
Min-naħa l-oħra spjegaw li r-regoli l-ġodda se jkollhom ikunu ddisinjati biex jitħaddmu mingħajr ma jipperikolaw lin-nies.
L-operaturi tad-drones iridu jkunu fuq ir-reġistri nazzjonali u d-drones tagħhom immarkati biex jiġu identifikati. Dan ma jgħoddx għall-iżgħar drones.
Ir-regoli jridu jiġu adottati mill-Ministri tal-Unjoni Ewropea.