Regolatur tal-ewtanażja fl-Olanda titlaq minħabba l-qtil ta’ nies bid-dimensja

Regolatur tal-ewtanażja fl-Olanda rriżenjat mill-kariga tagħha bi protesta għax persuni jbatu mid-dimensja qed jinqatlu bl-iskuża tal-ewtanażja.
Matul l-aħħar ħames snin in-numru ta’ pazjenti bid-dimensja li nqatlu bl-ewtanażja mmutiplika b’erba’ darbiet. 
Berna van Baarsen qalet li ma setgħetx tappoġġja bidla radikali fl-interpretazzjoni tal-liġi tal-ewtanażja li qed tippermetti li numru dejjem akbar ta’ injezzjonijiet li joqtlu jkunu amministrati fuq pazjenti bid-dimensja.
Għalhekk irriżenjat mill-wieħed mill-ħames kumitati reġjonali li hemm fil-pajjiż maħtura biex jissorveljaw il-prattika tal-ewtanażja.
Van Baarsen, li hi esperta fl-etika medika, hi t-tieni regolatur li rriżenja fl-aħħar tliet snin.
L-ewwel wieħed kien il-Professur Theo Boer li rriżenja fl-2014 u kien wissa lill-membri parlamentari Ingliżi biex ma jsegwux l-eżempju tal-Olanda u biex jivvutaw kontra liġi li tintroduċi l-mewt assistita.
Skont il-Liġi Olandiża l-ewtanażja hi permessa għal pazjenti adulti inkapaċi mentalment, imbasta l-pazjent ikun ħalla minn qabel “nota bil-miktub fejn jitlob li ħajtu tintemm”.
Madankollu f’intervista ma’ magazine mediku, Van Baarsen qalet li l-injezzjonijiet letali kienu qed jingħataw lil pazjenti li l-kapaċitajiet mentali tagħhom kienu jiżdiedu u jonqsu, tant li f’ħames snin il-qtil ta’  pazjenti morda mentalment żdied b'erba' darbirt aktar.
“Jien ma nemminx li dikjarazzjoni miktuba tal-intenzjoni tal-pazjent għandha tissostitwixxi talba orali minn pazjenti bid-dimensja. Din faċli wisq. Fl-aħħar snin l-interpretazzjoni tal-liġi nbidlet drastikament u jien dan ma naċċettahx”, qalet l-eksregolatur.
Qalet li hi taqbel jekk il-liġi tkun applikata fuq pazjent bil-kanċer li jkun jixtieq imut għax qed ibati u jaqa’ f’koma. Iżda d-dimensja mhix marda li tista’ tkun preċiż dwarha u ħafna drabi l-pazjenti jdumu ħajjin aktar.
Dawn il-pazjenti ħafna drabi jibqgħu jagħrfu lill-għeżież tagħhom f’xi okkażjonijiet u f’oħrajn le. F’każi bħal dawn meta għandek tagħmel l-ewtanasja?
Van Baarsen qalet li hu diffiċli ħafna tiddeċiedi jekk pazjent bid-dimensja jkunx qed ibati ħafna jew le. L-ewtanażja hi permissibbli meta t-tbatija l-pazjent ma jkunx jiflaħ għaliha aktar. Jekk ma tkunx ċert ma tistax tassumi li l-pazjent qed ibati ħafna.
Ftit xhur ilu l-Pulizija Olandiża fetħet investigazzjoni dwar mewt bl-ewtanażja wara li l-Prosekutur Pubbliku rreferielhom każ ta’ mara anzjana bid-dimemsja li sfat marbuta u injettaw fiha mediċina qattiela. L-anzjana kienet iddikjarat li riedet tmut bl-ewtanażja “iżda mhux għalissa” u madankollu t-tabib xorta temmilha ħajjitha.