​“Regolatur dgħajjef iwassal għal settur dgħajjef” – PD dwar il-Bank Pilatus

Il-Partit Demokratiku sostna li jekk ir-regolaturi finanzjarji jkunu dgħajfa, allura s-settur finanzjarju sħiħ ikollu l-istess djufija u dan ma jawgurax tajjeb għall-futur ta’ dan is-settur f’Malta.
Irrefera għall-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA li skont il-PD, falliet mil-lat regolatorju fil-kwistjoni tal-Bank Pilatus.
Il-PD semma kif l-interess tal-pajjiż huwa ferm akbar mill-interess ta’ istituzzjoni finanzarja dubbjuża. Sostna li l-Bank Pilatus m’għandux reputazzjoni tajba u din kompliet tieħu daqqa ‘l isfel bl-arrest taċ-Chairman tagħha Ali Sadr.
Fl-istess ħin isemmi kif Malta trid turi anke f’ċirkostanzi bħal dawn, li għandha s-snien biex tintervjeni meta jkun hemm attivitajiet illeċiti fis-settur finanzjarju.
F’dan l-isfond, il-PD qal li l-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru għall-Finanzi għandhom responsabiltà politika xi jġorru u biex jassiguraw li l-interess nazzjonali jibqa’ jiġi l-ewwel.