Regolamenti Skavar: Ippubblikati għall-konsultazzjoni

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Ministeru għall-Infrastruttura għadu kemm ippubblika l-emendi għar-regolamenti ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u skavar.

Il-konsultazzjoni pubblika mistennija tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju biex isiru l-emendi għall-Avviż Legali 72 tal-2013.

Il-Gvern fi stqarrija qal li dawn l-emendi għandhom objettivi importanti u speċifiċi bl-għan finali li tiżdied is-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni u bini kif ukoll bl-għan li jipproteġu d-drittijiet ta’ terzi. Dan filwaqt li qal li x-xogħlijiet għandhom isiru b’tali mod li ma jkunux ta’ periklu kemm għall-ħaddiema fuq il-post kif ukoll għal terzi involuti.

Il-Gvern qal ukoll li f’dawn l-aħħar xhur qed issir ħidma fuq leġislazzjoni biex tiġi mwaqqfa il-Malta Construction and Building Authority. Fisser kif din l-awtorità se tkun qed tikkonsolida r-regolamenti tal-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni.

L-emendi jinkludu varji proposti fil-leġislazzjoni l-ġdida li hija miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika.

X’hemm propost?

Ir-regolamenti proposti jżidu fuq dak li hu mistenni mill-kuntratturi u l-professjonisti involuti. Studji ġeoloġiċi u ġeotekniċi se jkunu meħtieġa f’kull każ ta’ xogħol ta’ skavar.

Il-Periti u l-Managers tas-sit se jkollhom ikunu preżenti fuq is-sit kull meta tittieħed deċiżjoni kruċjali u meta ċertu tip ta’ skavar ikun qed isir. Dawk li jippersistu bix-xogħlijiet ta’ skavar minkejja twiddiba, se jaffaċċjaw multa ta’ €50,000, meta mqabbel ma’ dik kurrenti ta’ €2,000.

Numru ta’ proposti qed ikunu wkoll imressqa sabiex ħitan ta’ binjiet li jħarsu fuq sit ta’ kostruzzjoni, ikunu mħarsa. Dawk li ma jaderixxux ma’ dawn ir-regolamenti, jew jinstabu li jkunu qed jaġixxu skont il-metodu li kellu jkun segwit, se jkunu qed jiġu mmultati €10,000, meta sa issa l-multa kienet ta’ €500.

Tista’ ssemma leħnek billi tidħol f’dan is-sit tal-konsultazzjoni.

X”seħħ fl-aħħar jiem?

Il-Ħamis li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li b’effett immedjat il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi b’mod temporanju.

Filmat: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

Sorsi legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt wrew it-tħassib tagħhom dwar din id-deċiżjoni.

AQRA: Sospensjoni skavar: Għandha bażi legali?

Dan wara li l-Ħamis stess ċeda parti minn ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti biswit sit ta’ kostruzzjoni, dan kien ir-raba’ inċident ta’ dan it-tip f’inqas minn sena.

AQRA: Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

 AQRA: Filmat: “Se nispiċċaw inmorru l-preċett tan-neputija bix-shorts u t-tshirt?” – residenta mbikkma

AQRA: “Ixxukkjati” – MDA; Il-Kummissarju għall-Ippjanar b’ittra lill-PM