“Regolamenti ġodda tal-ODZ il-ġimgħa d-dieħla” – Farrugia

Il-Ministru għall-Ambejnt Aaron Farrugia ħabbar fil-parlament li l-ġimgħa d-dieħla, il-Gvern se jkun qiegħed jirrevedi l-policy tal-ODZ.

Meta kien qed jitkellem waqt mozzjoni mressqa mid-deputati tal-Oppożizzjoni Godfrey u Marlene Farrugia biex jirrevokaw avviż legali li jippermetti lill-Aworità tal-Ippjanar biex tlaqqa’ l-bordijiet tagħha b’mod virtwali, il-Ministru Farrugia qal li s-sitwazzjoni preżenti fl-ODZ hi frott tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-2006 meta nbiddlu l-konfini tal-iżvilupp. Huwa qal li hu m’għandux il-poter li jreġġa’ l-arloġġ lura.

Il-Ministru qal li ma jaqbilx li l-infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar hu bla snien. Huwa starr li tant hu hekk illi fl-aħħar ġimgħat ittieħdet azzjoni ta’ infurzar quddiem il-Palazz tal-President u l-Katidral ta’ San Ġwann. Bl-istess mod star li ttieħdet azzjoni dwar post li kien ilhom jidħlu ilmenti dwaru mill-1989.

Min-naħa tiegħu l-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li meta wieħed jagħmel il-kritika li 35% tal-pajjiż hu żviluppat iżżejjed għandu jinduna li jkun qed jgħid ukoll li 65% tal-istess pajjiż mhuwiex.