Regolamenti ġodda dwar l-użu ta’ karċinoġeni u mutaġeni fuq post tax-xogħol

Meta wieħed inaqqas l-esponiment tal-impjegati għal karċinoġeni u mutaġeni jkun qed jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-każijiet tal-kanċer. Dan qalitu l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHSA) fi stqarrija dwar regolamenti ġodda f’dan ir-rigward. Spjegat li aktar minn nofs l-imwiet f’pajjiżi żviluppati huma kkawżati minn kanċer li jibda kawża tal-post tax-xogħol.

L-OHSA spjegat li prinċipju fundamentali tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa li r-riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jrid jiġi eliminat jew jitnaqqas kemm jista’ jkun. Għalhekk, min iħaddem għandu jidentifika u jara x’inhuma r-riskji li qed jesponu lill-impjegati tagħhom għalihom fejn jidħlu l-karċinoġeni u l-mutaġeni.

Karċinoġeni huma sustanzi li jwasslu sabiex il-ġisem jibda jifforma l-kanċer. Mutaġeni huma aġenti kimiċi jew fiżiċi li jibdlu l-materjal ġenetiku, tipikament id-DNA ta’ organiżmu. Dawn ukoll jistgħu jikkawżaw il-kanċer.

L-OHSA spjegat li f’każijiet fejn il-kumpanija ma tkunx tista’ tissostitwixxi l-użu tagħhom, karċinoġeni kimiċi għandhom kemm jista’ jkun jiġu manifatturati u użati fi spazji magħluqa sabiex jipprevjenu l-esponiment tal-ħaddiema.

Tista’ tara n-notifika legali minn hawn.