Regolamenti ġodda dwar is-siġar

Liġijiet ġodda se jkunu qed iwasslu għal aktar protezzjoni tas-siġar u l-imsaġar Maltin.

Dawn ġew ippubblikati mill-Ministeru għall-Ambjent wara li ġew imfassla mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Il-liġijiet daħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-liġijiet huma reviżjoni tar-regolamenti tal-2011 li tejbu l-qafas leġiżlattiv fuq is-siġar u l-imsaġar wara konsultazzjoni estensiva mal-pubbliku.

Fost it-tibdiliet fil-liġi issa hemm 30 speċi ta’ siġar ġodda meqjusa bħala protetti, kif ukoll żdiedet il-protezzjoni tas-siġar f’żoni urbani. Saru wkoll protetti s-siġar f’żoni pubbliċi li interventi fuqhom iridu jsiru minn speċjalisti f’dan il-qasam.

Intqal ukoll li żdiedu sostnazjalment il-penali għal reati fuq is-siġar, speċjalment jekk l-intervent illegali jwassal għad-distruzzjoni totali tas-siġra. Qed jiġi żgurat ukoll li ma jiżdiedx piż fuq il-bdiewa u fuq min għandu siġar f’ġonna privati.

Dawn kollha li se jagħmlu interventi fuq is-siġar għandhom jiffamiljarizzaw ruħhom fuq it-tibdiliet fil-liġi billi jikkuntattjaw lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi fuq info@era.org.mt jew 22923500.