Regolamenti għall-ħarsien tal-friegħi tal-palm

Issa li l-istaġun tal-lampuki qiegħed fl-aqwa tiegħu, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti qed jitlob il-koperazzjoni ta’ dawk kollha involuti fil-qtugħ tal-friegħi tal-palm, biex josservaw ir-regolamenti u l-linji gwida bl-għan li jieħdu ħsieb dawn is-siġar.

Id-Direttorat jenfazizza l-importanza li jiġi applikat trattament kimiku wara l-qtugħ tal-friegħi, biex titnaqqas il-firxa tal-bumunqar aħmar tal-palm, billi dan l-insett jippreferi jbid fejn ikun hemm qatgħat friski.

Dan it-trattament għandu jiġi repetut għal tliet darbiet wara xulxin, kull erba’ ġimgħat. Attenzjoni speċjali trid tingħata lis-siġar tal-ispeċi Phoenix canariensis, li hija waħda mis-siġar li l-iktar jattiraw dan l-insett.

Għal iktar informazzjoni u gwida, wieħed jista’ jikkuntattja d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti fil-Ministeru għall-Ambjent fuq in-numru 22926535 jew fuq il-freephone 80072310.

Wieħed jista’ wkoll jibgħat email lill-plantquarantine@gov.mt jew iżur il-website tad-Direttorat fuq www.plantprotection.gov.mt.