Reġistri Elettorali aġġornati għall-elezzjonijiet t’April

Ħarġu r-Reġistri Elettorali riveduti għall-elezzjonijiet tal-kunsilli li għandhom l-elezzjoni fil-11 ta’ April li ġej, flimkien mar-referendum dwar il-kaċċa.
Il-Kummissjoni Elettorali qalet li kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont il-liġi, sal-15 ta’ Jannar, u ismu ma ġiex inkluż fir-reġistru, jew inkella għandu xi dettalji tiegħu żbaljati, għandu sat-Tnejn 16 ta’ Frar biex jagħmel appell biex issir il-korrezzjoni meħtieġa.
L-istess għandhom jikkuntattjawha dawk li jaħsbu li l-isem ta’ persuna għandha tinqata’ mir-reġistru għax m’għadhiex tikkwalifika biex tivvota, jew inkella jekk iridu li ssir korrezzjoni għal dettalji dwar persuni oħra.
Il-Kummissjoni Elettorali fakkret fl-importanza li kulħadd jiċċekkja li d-dettalji tiegħu jidhru b’mod korrett fir-Reġistru Elettorali, inkella persuna tista’ tispiċċa li ma tkunx intitolata li tivvota.